Lokali

PEN Malta tikteb lill-GWU: “Ħallu lil Victor Vella jagħmel xogħolu”

Il-President ta’ PEN Malta llum kiteb lit-tmexxija tal-General Workers’ Union sabiex twaqqaf is-sospensjoni tal-editur ta’ L-Oriżżont u It-Torċa, Victor Vella, u twaqqa’ l-akkużi kontrih minnufih.

F’ittra indirizzata lill-President, is-Segretarju Ġenerali u ċ-Chief Executive Officer, President ta’ PEN Malta Immanuel Mifsud qal:“Nesprimi l-istmerrija ta’ PEN Malta għad-deċiżjoni li tinvestigaw lill-editur Victor Vella fuq akkużi trivjali li jirredikolaw it-tmexxija tagħkom”.

MIfsud qal li Victor Vella qed jiġi kkastigat talli għamel xogħolu, ta’ ġurnalist u editur, li ta vuċi lil min għandu jinstema’ minn dawk fil-poter. Vella ma beżax juri fejn il-politika naqset lill-ħaddiema prekarji, l-immigranti, l-emarġinati u dawk li jgħixu f’faqar estrem.

Immanuel Mifsud talab it-tmexxija tal-GWU sabiex, jekk inhu l-każ li l-union biddlet il-politika tagħha fejn jidħlu drittijiet tar-refuġjati, drittijiet ta’ ħaddiema barranin, ix-xogħol prekarju u r-razziżmu, allura għandha tiddikjara pubblikament x’inhuma l-pożizzjonijet ġodda tagħha.

Sadanittant, l-akkużi kontra Victor Vella għandhom jitwaqqgħu minnufih, u għandu jitħalla jerġa’ lura f’xogħolu, u għandu jingħata r-riżorsi kollha sabiex ikun jista’ jkompli jwettqu, saħaq Mifsud.