Lokali

Tintlaqa’ tajjeb ferm il-proposta tal-PN għall-Korpi Dixxiplinati

Il-proposta tal-Partit Nazzjonalista illi tara li membri tal-Korpi Dixxiplinati jibqgħu jirċievu l-pensjoni anke jekk jagħżlu li jibqgħu jagħti s-servizz tagħhom fil-komunità, intlaqgħet tajjeb ferm mill-membri tal-Korpi li jistgħu jibbenefikaw minn dan il-benefiċċju.

Fost il-ħafna proposti li qed iniedi l-Partit Nazzjonalista, il-Ħadd filgħodu Bernard Grech ħabbar li Gvern ġdid Nazzjonalista jbiddel is-sistema biex dawn il-ħaddiema jieħdu dak li fl-aħħar mill-aħħar ikunu ħadmu għalih. Dan ifisser li membri f’dawn il-Korpi li meta jaslu biex jagħlqu  l-25 servizz ikunu jixtiequ jibqgħu iservu, jkunu jistgħu jagħmlu dan u jieħdu kemm il-paga kif ukoll il-pensjoni li jkun ħaqqhom.

Fost dawk li rreaġixxew b’mod pożittiv għal din il-proposta kien hemm il-Pulizija, bil-Viċi President tal-Union tal-Pulizija, Marlon Hili jgħid li l-membri tal-Korp kienu ilhom is-snin jistennew li xi ħadd jagħtihom widen. Dan għaliex dak li kien iseħħ meta kienet titwaqqaf il-pensjoni għal min irid jibqa’ jservi wara l-25 sena kien inġust.

Hili qal li din il-proposta tista’ tgħin ukoll biex il-Korp ma jitlifx persuni ta’ esperjenza qabel il-waqt. Dan hekk kif min jixtieq jibqa’ jservi jkun jista jagħmel dan mingħajr ma jitlef il-pensjoni.

Waqt li ħabbar din il-proposta, Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista irid li l-persuni jaħdmu u jirnexxu, u kien propju dan l-għan ta’ din  il-proposta li mistennija tgħin lil eluf ta’ ħaddiema li jkunu servew lil pajjiżna b’tant dedikazzjoni għal snin sħaħ.