Olandiż ta’ 28 sena li ammetta li seraq minn kamra ta’ lukanda ġie lliberat mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras peress li fl-akkużi l-Pulizija kkommettiet żball fid-data ta’ meta seħħ ir-reat. Mitchel Ricardo Antonius Virginia ammetta fil-Qorti l-akkużi li seraq minn lukanda f’Paceville.
L-Olandiż li nforma lill-Qorti li m’għandux saqaf fuq rasu, ġie akkużat li fis-sigħat bikrin tal-25 ta’ Novembru li għadda fis-sagħtejn ta’ filgħodu seraq oġġetti b’valur ta’ €480 minn kamra ta’ koppja Taljana. Huwa kien qed jiġi mixli wkoll li wettaq reat waqt perjodu operttiv ta’ sentenza sospiża, li huwa riċediv, u li qed jgħix ħajja ta’ vagabondaġġ.
Għall-ewwel huwa wieġeb mhux ħati u nżamm arrestat, iżda wara bidel il-verżjoni u ammetta quddiem il-Qorti. Madanakollu, il-Qorti, skopriet li filwaqt li l-akkuża kienet tirreferi għal-lejl ta’ bejn l-24 u l-25 ta’ Novembru, quddiem il-Qorti l-prosekuzzjoni rreferiet għal-lejl ta’ bejn il-25 u s-26 ta’ Novembru.
Ingħad ukoll li l-Olandiż kien interrogat fis-26 ta’ Novembru, u li fl-istqarrija tal-Pulizija huwa qed jirreferi għal-lejl ta’ qabel. F’dokumenti oħra wkoll kienet osservata din l-inkonsistenza fid-dati. Il-Qorti għalhekk qalet li invista ta’ dan kollu, ma tistax issib lil Virginia ħati kif akkużat, u sabitu ħati biss parzjalment għall-akkuża li hu riċediv u vagabond, u tagħtu twissija. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jean Paul Attard.