Il-President tar-Russja, Vladimir Putin, qal li pajjiżu ‘ċertament’ ma jridx li tinqala’ gwerra ġdida fl-Ewropa. Madankollu it-tensjoni mal-fruntiera tar-Russja mal-Ukrajna baqgħet akuta, bi Vladimir Putin itenni bla tlaqliq li ‘it-tħassib (tar-Russja) dwar is-sigurtà irid ikun indirizzat bl-akbar serjetà’.
Il-kummenti ta’ Putin, intant, jistgħu jkunu sinifikanti, ftit sigħat wara li l-Armata Russa bdiet tirtira ammonti ta’ truppi ‘mill-għatba tal-Ukrajna’. Dan fost it-tamiet li t-tensjoni bejn l-Ukrajna u r-Russja kapaċi tonqos sal-punt fejn l-Ewropa tevita l-ewwel gwerra fl-artijiet tagħha minn żmien il-kunflitt tal-Balkani fid-disgħinijiet.
Madankollu l-mexxejja tal-Punent qed ikunu kawti ħafna – fost l-istqarrijiet li għad mhemmx provi li r-Russja se tibda l-irtirar ‘konkret’ tal-militar mit-territorji viċin l-Ukrajna.
U waqt li Putin – u Moska – dejjem ċaħdu li qegħdin jippjanaw l-invażjoni tal-Ukrajna, is-sitwazzjoni mal-fruntiera għadha fluwida ħafna u disposta għal kwalunnkwe bidla minn ħin għall-ieħor.
Ir-Russja għandha r-rabtiet kbar storiċi u kulturali mal-Ukrajna li hi eks Repubblika tal-Unjoni Sovjetika (komunista) li krollat fil-bidu tad-disgħinijiet. Sadanittant, Vladimir Putin irid il-garanziji li l-Ukrajna mgħandhiex tissieħeb fl-Alleanza (militari) tan-NATO għaliex jemmen li pass bħal dan ikun ta’ theddida għall-interessi tar-Russja.
Dan waqt li l-Punent qed jiċħad għad-domanda partikulari, fost il-kummenti li l-Ukrajna – bħala pajjiż sovran u indipendenti – għandha d-dritt li tissieħeb fi kwalunkwe Alleanza li tixtieq hi u li tkun ta’ benefiċċju għas-sigurtà tal-poplu.
//= $special ?>