Sport Waterpolo

ESKLUSSIVA: Kollox jindika li Stevie Camilleri hu kostrett jitlef il-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew

(Ritratt: Joseph Galea)

Artiklu: Stewart Said

Hekk kif ninsabu ftit jiem bogħod mill-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew, il-kowċ nazzjonali Karl Izzo rċieva aħbar ħażina hekk kif mhux mistenni li jkollu fit-tim lil Stevie Camilleri. Il-captain tat-tim nazzjonali xtaq li din il-ġimgħa jkun f’pajjiżna iżda mhux possibbli jilgħab minħabba s-sitwazzjoni tiegħu mal-klabb tas-Serie A2 Copral Muri Antichi.

Il-kampjonat Taljan reġa’ kompla dan ix-xahar wara li kien wieqaf f’Jannar u għalhekk hemm kalendarju ta’ logħob ippakkjat. Fil-kalendarju oriġinali, ma kienx hemm logħob skedat fi tmiem il-ġimgħa iżda l-istess kalendarju issa ġie aġġornat. Dan wassal biex hemm logħba skedata u tista’ tiġi rkuprata biss fost il-ġimgħa.

Jidher li kien hemm qbil fil-prinċipju bejn l-ASA, il-plejer u l-klabb Taljan biex tiċċaqlaq il-logħba tal-kampjonat skedata għas-Sibt li ġej u b’hekk Camilleri jkun jista’ jilgħab għal Malta. Minkejja l-qbil bejn il-partijiet, jidher li l-avversarji ta’ Muri Antichi, ma aċċettawx li tinbidel id-data għal waħda fost il-ġimgħa, minħabba li loġistikament kellhom kollox preparat u kellhom problemi oħrajn marbuta mad-disponibbiltà ta’ diversi żgħażagħ li jilagħbu magħhom.

(Ritratt: Martin Agius)

F’kuntatt ma’ dan is-sit, Stevie Camilleri kkonferma l-aħbar u xejjen il-possibbiltà li ma riedx jilgħab minħabba xi diżgwid. Anzi hu rringrazzja lill-ASA u lill-klabb tiegħu Muri Antichi li pruvaw jagħmlu dak li setgħu biex imexxu d-data tal-logħba tas-Sibt li ġej. “Ili nilgħab mat-tim nazzjonali minn meta kelli 17-il sena u dejjem onorajt il-logħob, anki meta ma kontx fl-aqwa kundizzjoni fiżika tiegħi. Bħala captain tat-tim nazzjonali għal dawn l-aħħar sitt snin, xejn ma jtini sodisfazzjon aktar milli mmexxi lit-tim għall-possibbiltà li jerġa’ jikkwalifika għall-Kampjonat Ewropew.”

B’medja ta’ kważi tliet gowls kull logħba fil-kampjonat, Camilleri hu meqjus bħala plejer importanti fit-tim ta’ Muri Antichi u l-kowċ ma riedx li jitilfu anki jekk għall-konfront wieħed. Għaldaqstant minħabba dan in-nuqqas ta’ arranġament, se jkun kostrett li jaqbeż il-logħob tat-tim nazzjonali u jilgħab il-logħba tal-kampjonat Taljan.

It-tim nazzjonali jilgħab il-grupp ta’ kwalifikazzjoni f’pajjiżna, bi tlett logħbiet fi tlett ijiem. Il-Ġimgħa fis-6.30pm Malta tilgħab kontra l-Irlanda, is-Sibt fis-6.30pm ukoll kontra l-Litwanja li hu meqjus il-konfront deċiżiv u l-Ħadd fl-10.30am l-aħħar impenn kontra r-Rumanija.