Futbol Sport

Gowls ta’ Cristiano Ronaldo u Bruno Fernandes jagħtu rebħa lil Man Utd

Gowls minn Cristiano Ronaldo u Bruno Fernandes kienu biżżejjed għal Manchester United sabiex wara bosta riżultati negattivi rritornaw għar-rebħ biex saħħew post fir-raba’ post fil-klassifika bi 43 punt u fl-istess waqt qabżu lil West Ham. Mingħajr Paul Pogba u Marcus Rashford fl-ewwel formazzjoni, matul l-ewwel taqsima Manchester United sofrew il-pressjoni tal-avversarji li kienu aktar fil-partita. L-aħjar ċans għal Brighton wasal fid-39 minuta meta minn kross ta’ Joel Veltman kien David DeGea li wettaq save mill-isbaħ fuq tentattiv ta’ Jakub Moder. 0 – 0 sa tmiem l-ewwel taqsima. B’Manchester United aktar aggressivi fl-ewwel fażi tat-tieni taqsima, fil-51 minuta fetħu l-iskor.

Minn azzjoni ta’ Scott McTominay, kien CRISTIANO RONALDO li wara li dar mad-difiża għeleb lil Robert Sanchez. Il-gowl ta’ħajja lil partita f’mumenti b’daħliet xejn kumplimentużi fejn wara li r-referee Peter Bankes amonixxa lil Bruno Fernandes fit-53 minuta, eżatt wara keċċa lil Lewis Dunk ta’ Brighton. Fit-78 minuta fuq kontrattakk, xutt ta’ Jakub Moder ħabat mal-mimduda fl-aħjar azzjoni ta’ Brighton fit-tieni taqsima. Bejn sostituzzjoni u oħra b’Manchester United aktar fil-partita fis-seba’ minuta ta’ ħin miżjud kien BRUNO FERNANDES li minn azzjoni ta’ Paul Pogba’ għamel l-iskor 2 – 0 u b’xi mod taffa l-aħħar diżappunti li t-tim kellu f’Old Trafford.

PREMIER LEAGUE

Illum: Man Utd v Brighton 2-0