Eluf ta’ infermiera fi New South Wales, fl-Awstralja, ħarġu fuq strajk bi protesta dwar pagi kkunsidrati bħala miżeri u dwar in-nuqqas ta’ staff fl-oqsma għall-kura medika. Dan fi żmien meta l-infezzjonijiet bil-Covid fi New South Wales jikkostitwixxu l-maġġoranza tat-2.5 miljun infezzjoni bil-virus madwar l-Awstralja.
L-Istat ta’ New South Wales għandu l-akbar popolazzjoni fost l-Istati kollha tal-Awstralja. Intant, l-azzjoni industrijali hi l-ewwel mill-infermieri tal-Istat għal għexieren ta’ snin u fejn qed jinsistu li l-ħidma tagħhom qed tkun ‘disrispettata’ mill-Gvern. L-infermiera, fl-istess ħin, injoraw l-appell biex l-istrajk ma jsirx min-naħa tal-kummissjoni għar-relazzjonijiet industrijali fi New South Wales.
Fl-aħħar jiem, il-pressjoni żdiedet fuq l-isptarijiet u s-sistemi mediċi tal-Awstralja, bil-varjant Omicron tal-virus qed jagħmel tajjeb għal spinta fl-infezzjonijiet.
Sadanittant, eluf ta’ infermiera u ħaddiema oħra fis-settur tas-saħħa esprimew l-għadab ‘dwar is-sitwazzjoni tagħhom’ huma u jimmarċjaw mit-toroq ta’ Sydney, li hi l-belt ewlenija ta’ New South Wales.L-infermiera qed jitolbu żieda fis-salarji ekwivalenti għal aktar minn 2.5 fil-mija u biex l-awtoritajiet jaċċertaw minn sistemi li jaċċertaw li l-infermiera ma jkollhomx ilaħħqu ma’ ‘piż tax-xogħol impossibbli’ għal waqt il-pandemija.
Il-Ministeru tas-Saħħa fi New South Wales qal li azzjonijiet industrijali bħal dawn jispiċċaw biex itellfu lis-servizzi ta-saħħa madwar l-Istat. Iżda l-unions qalu li l-istrajk kellu jkompli wara li l-aħħar taħditiet għal riżoluzzjoni ma ssodisfawx lill-assoċjazzjoni tal-infermiera li ‘ma temminx’ li l-awtoritajiet qed jindirizzaw tassew l-aspetti li jinkwetaw l-aktar lill-ħaddiema tas-saħħa.
Dan waqt li kelliema għall-Ministeru tas-Saħħa fi New South Wales irrikonoxxew il-fatt li l-ħaddiema tas-saħħa – b’mod partikulari l-infermiera – ħadmu u stinkaw bla heda biex itaffu l-effetti tal-pandemija fuq l-aħħar sentejn.
L-Awstralja, fl-aħħar xhur, implimentat uħud mill-aktar restrizzjonijiet domestiċi stretti minn fost il-pajjiżi kollha tad-dinja u fejn l-awtoritajiet ma żammewx lura mil-lockdowns ripetuti biex irażżnu l-firxa tal-infezzjonijiet.
Madankollu, l-varjant Omicron wassal għal żieda allarmanti fil-każi tal-Covid wara li l-lockdowns fl-Awstralja naqsu f’Diċembru. – u bil-pressjoni tiżdied għall-isptarijiet u ċ-ċentri għat-testijiet tal-poplu. Is-sitwazzjoni anki kkaġunat lill-Gvern biex jillimita l-eliġibbiltà għat-testijiet PCR b’xejn għal ċerti faxxex tas-soċjetà.
//= $special ?>