Lokali Parlament

Irridu naraw għaliex pajjiżna falla u ħalla tidħol il-kultura tax-xejn m’hu xejn

  • id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar

Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar, li kien qed jitkellem fit-Tieni Qari tal-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Kodiċi Kriminali Emenda Numru Tnejn, qal li f’pajjiżna daħlet il-kultura tax-xejn m’hu xejn u l-valuri ħadu daqqa kbira lura u dan qed jagħmel ħsara kbira lil pajjiżna.

L-Oppożizzjoni hi favur dan l-Abbozz ta’ Liġi u se tressaq numru ta’ emendi biex itejbu dan l-istess Abbozz ta’ Liġi. Dan hu Abbozz ta’ Liġi fid-direzzjoni t-tajba iżda tajjeb li wieħed jistaqsi x’għandu f’moħħu l-Gvern issa li qed iressaq dan l-Abbozz ta’ Liġi wara l-qtil ta’ tfajla Pollakka. Wieħed jittama li l-Gvern hu ġenwin fir-rigward ta’ dan l-Abbozz.

Tajjeb li l-Parlament jgħaddi l-liġijiet, iżda importanti wkoll li ma tibqax tirrenja l-kultura tax-xejn m’hu xejn. Fil-pajjiż għandu jkollna r-rieda li naraw għaliex fallejna f’diversi aspetti u għalhekk kellna għadd ta’ omiċidji li kexkxu lil kulħadd.

Robert Cutajar appella biex il-Parlament jaħdem biex jerġgħu jiddaħħlu l-valuri fost il-poplu Malti fejn fostu daħlet wisq il-kultura tax-xejn m’hu xejn.

Hu qal li ħafna mill-Maltin m’humiex jgħixu trankwilli f’darhom u f’ċerti lokalitajiet minn oħra s-sitwazzjoni hi aktar gravi. Minkejja kollox l-Għases tal-Pulizija f’dawn il-lokalitajiet huma magħluqa. Wieħed jista’ jieħu l-eżempju tal-Mellieħa li ilha ħafna xhur magħluqa.

Dan kollu jinċita għal aktar abbużi, fosthom l-abbuż tad-droga. Hu għalhekk li l-Gvern għandu jinvesti aktar fir-riżors uman u jassigura li fil-pajjiż ikollna Korp tal-Pulizija attrezzat u mhux il-Gvern jieħu deċiżjonijiet li bihom jagħti bis-sieq lill-motivazzjoni lill-istess membri tal-Korp tal-Pulizija.

Hu qal li lil hinn mill-kliem sabiħ tal-Gvern, tajjeb li wieħed jifhem li jrid ikun l-istess Gvern li bis-serjetà jaħdem u jħalli lill-istituzzjonijiet jaħdmu bl-aktar mod ħiesel u trasparenti.

Robert Cutajar qal li l-Oppożizzjoni se tkun qed tressaq numru ta’ emendi għal dan l-Abbozz ta’ Liġi biex dan ikun Abbozz ta’ Liġi aktar effetiv u b’saħħtu.

L-Oppożizzjoni qed twiegħed li fil-lokalitajiet kollha l-Għases tal-Pulizija jkunu kollha miftuħin biex ikunu tassew viċin in-nies ħalli meta n-nies ikollhom bżonn il-kenn tal-Pulizija, allura jsibu l-Għassa tal-lokalità tagħhom miftuħa.

Robert Cutajar temm jappella lill-Gvern biex jaħdem tassew b’mod ġenwin biex terġa’ tiddaħħal il-kultura tas-serjetà fil-pajjiż u ma jħallix aktar il-kultura tax-xejn m’hu xejn tinfirex għaliex din qed tagħmel ħafna ħsara lill-valuri tagħna l-Maltin u l-Għawdxin.