Lokali

Għalfejn qed jibqa’ jaħrab milli jwieġeb?

Il-pressjoni fuq Robert Abela minħabba skandli li qed jiġru warajh, kompliet tikber. Dan filwaqt li l-Prim Ministru kompla jaħrab milli jwieġeb domandi sempliċi. L-istess Prim Ministru li ftaħar li fuqu m’hemm xejn xi jsibu, u l-istess Prim Ministru li qal li m’għandux problema jwieġeb għall-mistoqsijiet kollha tal-ġurnalisti, illum reġa’ injora lil-ġurnalisti, u ħarab jiġri fil-karozza tiegħu biex ma jitkellimx dwar l-allegazzjonijiet serjissimi marbuta mar-relzzjoni li kellu ma’ persuna akkuzat bi kriminalita’.

Wara li fl-aħħar jiem inqabad li kien f’deals ma’ żagħżugħ akkużat li għandu rabtiet serji fil-kriminalità organizzata, il-Prim Ministru Robert Abela għadu qed jirrezisti milli jwiegeb id-domandi li qed iqumu – jum wara l-ieħor – dwar dan l-iskandlu serjissimu. Mhux hekk biss, iżda Abela f’inqas minn 24 siegħa ħarab numru ta’ drabi mid-domandi diretti tal-ġurnalisti u saħansitra spiċċa jgħid li se jagħmel bojkott lit-Times.

Meta mistoqsi fuq il-propjetà li kien qed jinnegozja u d-deal li daħal fih ma’ Christian Borg, il-Prim Ministru farfar fuq in-Nutara. Għalkemm ikkonferma li kien hemm profitt minn dan id-deal fuq propjetà. Ftit sigħat wara, fuq il-programm Xtra li xxandar it-Tnejn filgħaxija, il-Prim Ministru rrepeta l-istess retorika politika u ma ta spjegazzjoni ta’ xejn dwar dan l-aħħar skandlu li nqabad fih hu direttament.

Għalhekk, it-Tlieta filgħodu erġajna staqsejna lill-Prim Ministru pero Robert Abela, evidentalment skomdu quddiem domandi sempliċi, għal darba, tnejn, tlieta, ħarab milli jwieġeb u injora għal kollox id-domandi ta’ Net News. L-isess Prim Ministru, li fid-diskors tal-Ħadd f’attività tal-Labour, saħaq li se jkun qed iwieġeb għad-domandi kollha tal-ġurnalisti.