Internazzjonali

Kanada: Pass bla preċedent kontra l-‘anti-vaxxers’

Il-Prim Ministru tal-Kanada, Justin Trudeau, qed jimplimenta liġi magħrufa bħala l-Att ta’ Emerġenza bħala pass ieħor fil-konfront tad-dimostranti – anti-vaxxers —  li qegħdin jipprotestaw dwar il-mandati biex in-nies jingħataw it-tilqima kontra l-Covid. Dan il-pass mgħandux preċedent fl-istorja tal-Kanada u Trudeau qal li l-miżuri relatati se jkollhom ‘limitu ta’ żmien’ minbarra li għandhom ikunu implimentati ‘b’mod raġjonevoli u proporzjonali’.

Filwaqt li, f’Ottawa, fadal il-mijiet tad-dimostranti li qed jipprotestaw kontra ‘il-mandati għall-vaċċin’, il-Gvern mgħandux l-intenzjoni li joħroġ lill-militar biex jindirizza din is-sitwazzjoni. Iżda l-Att ta’ Emerġenza jippermetti biex il-banek jiffriżaw il-kontijiet ta’ kulmin qed jieħu sehem fil-protesti mingħajr ħtieġa għal direttiva mill-qorti.

Dak li, jiem ilu, beda bħala rally kontra r-regola biex is-sewwieqa tat-trakkijiet ikunu vaċċinati biex jitħallew jaqsmu l-fruntiera tal-Kanada lejn l-Istati Uniti żviluppa fi ‘sfida ġenerali’ għar-restrizzjonijiet kollha tas-saħħa dovuti għall-Covid.

Justin Trudeau qal li l-miżuri tal-Gvern qed jittieħdu għall-protezzjoni tal-Kanadiżi kollha u li l-pulizija se jingħataw ‘aktar mezzi’ biex titfa lid-dimostranti l-ħabs jew timponilhom il-multi għall-ksur tal-bwon ordni.

Id-dimostrazzjonijiet madwar il-Kanada issa daħlu fit-tielet ġimgħa u meta l-pulizija Kanadiża qed tagħmel minn kollox biex tevita aktar vjolenza fit-toroq filwaqt li tipproteġi lill-infrastruttura minn atti ta’ vandaliżmu.

.