Quddiem il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC), l-ex ministru Laburista Konrad Mizzi sostna li hu u martu Sai Mizzi ġabu l-aqwa investimenti fil-pajjiż; għalkemm ma speċifikax x’inhuma.
Konrad Mizzi qal li l-pjan kien li f’temp ta’ sena jitraħħsu l-kontijiet tal-familja u f’sentejn jitraħħsu l-kontijiet ta-negozji.
Beppe Fenech Adami qal li Joseph Muscat kien intrabat pubblikament li l-proġett ikun fi żmien 18-il xahar u kien anki rabat il-futur politiku tiegħu ma’ dan. Konrad Mizzi ddefenda lil Joseph Muscat qal li Joseph Muscat kien intrabat dwar meta jitraħħsu l-kontijiet. Hu ma ftakarx li l-kuntratt tal-bini tal-power station ken iffirmat fl-2013 “għax tant għamilt affarijiet!”.
L-offerta lill-Electrogas ingħatat fl-4 ta’ Diċembru 2013 u l-power station kienet inagwurata f’April 2017, spjega Beppe Fenech Adami waqt li Konrad Mizzi baqa’ jsostni li mhux jiftakar dawn id-dati.
Beppe Fenech Adami spjega li jirriżulta li l-ewwel l-PL għamel kampanja elettorali dwar ħażniet fuq l-art iżda imbagħad poġġew tanker f’nofs il-Bajja ta’ Marsaxlokk. Mill-minuti ta’ laqgħat iffirmati minn Konrad Mizzi jirriżulta lill-Kummissjoni Ewropea ssostni li ħażniet fuq il-baħar m’humiex l-aħajr għażla.
Konrad Mizzi ma kkonfermax li d-deadline kien il-31 ta’ Marzu 2015 u ma spjegax kif fil-fatt din tlestiet sentejn wara. Beppe Fenech Adami qal li fil-fatt il-kontijiet roħsu mingħajr il-power station. “Jien nitkellem ta’ spiss ma’ Joseph Muscat”, irrimarka Konrad Mizzi li dwar martu Sai Mizzi, hu qal li kienet ġabet investiment kbir lejn Malta.
Karol Aqulina kkwota minn dokumenti tal-Enemalta li jistabilixxu li jekk il-proġett idum iktar minn sitt xhur, l-Enemalta kellha dritt li twaqqaf il-kuntratt u l-Electrogas jitilfu l-equity tagħhom. Konrad Mizzi qal li l-Electrogas kienu mmultati €18-il miljun fuq dan in-nuqqas u jitħallsu fl-aħħar; “irrid nikkonferma jekk dawn tħallsux”. Il-ftehim kien li dawn jitħallsu wara 18-il sena.
Dan kien ftehim mill-aqwa, sostna Konrad Mizzi, li kompla li ma kienx jiftakar min kienu n-negozjaturi tal-Enemalta. Hu qal li kull ġimgħa kien jinforma lill-Kabinet tal-Ministri u kompla li ma kellu l-ebda rwol fil-maħfra ta’ €40 miljun f’taxxa. Konrad Mizzi ma weġibx kif l-Enemalta ħafret €40 miljun f’taxxa.
//= $special ?>