Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras illiberat raġel ta’ 31 sena minn Bormla fuq akkużi ta’ traffikar u pusses ta’ droga minħabba li mill-provi ma kienx ċar jekk huwa kienx ipejjep raża jew il-pjanta tal-kannabis. Il-każ fil-konfront ta’ Tarquin Vella beda minn rapport ta’ missieru u l-eks tfajla tiegħu.
Dan fis-sens li ġie nfurmat li ibnu kien qiegħed jagħmel użu mill-ħaxixa u mill-kokaina. Missieru qal li dan sar jafu mingħand l-eks tfajla ta’ ibnu u mhux għaliex huwa kien rah juża d-droga. Il-missier qal ukoll li ibnu kien ammetta miegħu li kien jagħmel użu mid-droga, iżda ma jafx din xi droga x’kienet. Dan il-każ imur lura għal Ġunju 2009 u ħareġ fil-kumpilazzjoni li Vella kien ilu jabbuża mid-droga sa minn mindu kellu 12-il sena.
Minn naħa tagħha l-eks tfajla tiegħu qalet li l-imputat qalilha li kien ipejjep il-ħaxixa ma’ sħabu, mingħajr ma tgħid madankollu, x’kien eżattament jikkonsma, jiġifieri jekk hux ir-raża jew il-pjanta tal-cannabis. Tarquin Vella qal fil Qorti li wara li missieru u l-eks tfajla tiegħu rrapportawh li huwa kien ipejjep l-ismoke, bagħat għalih l-Ispettur Johann J. Fenech u huwa ammetta li kien ipejjep u li dak iż-żmien huwa kellu problema.
Fix-xhieda tiegħu, qal li eventwalment ħareġ mill-vizzju. Madankollu, il-Qorti nnotat wkoll illi għalkemm Vella kien evidentement qed jirreferi għall-cannabis, imkien mix-xhieda tiegħu ma jirriżulta eżattament x’kien ipejjep. Minkejja li ġeneralment il-kelma ‘smoke’ tirreferi għar-raża tal-cannabis, fin-nuqqas ta’ xhieda ċara, il-Qorti qieset li ma tistax issib lill-imputat ħati minkejja wkoll tad-dikjarazzjoni tiegħu illi huwa ġieli qasam xi nifs minn xi joint ma’ ħaddieħor.
Il-Prosekuzzjoni qalet li l-eks tfajla tiegħu kienet qaltilhom li kien qalilha li jpejjep ir-raża iżda darba f’Awwissu, fil-festa ta’ San Pietru, kien xtara pakkett kokaina. Spjegat li huwa ammetta li ilu jpejjep il-cannabis tliet snin u li kien xtara gramma kokaina.
Meta l-Pulizija rat il-messaġġi fuq il-mobile, l-imputat ammetta li ġieli qasam xi joint ma’ sħabu. Il-Prosekuzzjoni qalet ukoll li huwa kkopera mal-Pulizija tant li ġiet arrestata terza persuna. Missieru xehed li ibnu kien jaqla’ madwar €400 kull 15 iżda ta’ spiss kien jitolbu l-flus għax kien jispiċċa b’xejn.
Tenna li meta kkonfrontah, ibnu kien ammetta li kien qed jieħu d-droga u għalhekk irrapportah lill-Pulizija bil-għan li jgħinu jaqta’ l-vizju. L-eks tfajla tiegħu xehdet li huma kellhom tifel flimkien u li għalkemm kien jaħdem qatt ma taha flus għalih.
Ta lit-tfajla €50 u heddidha li riedhom lura nkella jwaddad lilha u lil binhom tliet sulari għal isfel
L-eks tfajla tiegħu xehedet li darba kien taha €50 iżda heddidha biex ittihomlu lura, nkella jwaddab lilha u lit-tifel għal isfel, għoli ta’ tliet sulari. Qalet li wara li tagħtu lura l-€50 mar jixtri card u ċempel lil xi ħadd u semgħetu jgħid “ġibli, għax tiela’ Birżebbuġa issa, ġibli”.
Qalet li missier binha qatt ma taha rendikont x’kien qed jagħmel bil-flus, lit-tifel qatt ma tah xejn u qatt ma stinka biex jirranġa l-post u li kien jittrattaha ħażin. L-imputat qal li kellu argument mal-ex tfajla tiegħu meta kienet tqila. Qal li dakinhar stess missieru u l-ex tfajla marru l-għassa u rrapportawh li jpejjep l-ismoke. Qal li għalkemm qatt ma għamel il-progamm ta’ rijabilitazzjoni ma baqax jieħu sustanzi.
Qal li ilu ma jkellem lil missieru mill-2009 għax kien irrapportah u għax dak iż-żmien kellu relazzjoni mal-eks tfajla tiegħu. Qal li meta kien interrogat ma kienx ingħata dritt tal-avukat u li fuqu ma nstabet l-ebda droga. Huwa saħaq li qatt ma ta droga lil ħadd u li forsi xi darba qasam xi sigarett ma’ sħabu iżda mhux bi qligħ.
Skont l-Uffiċjal tal-Probation huwa beda jeħu d-droga meta kellu 12-il sena. Beda b’kurżità jpejjep il-ħaxixa u ta’ 17-il sena beda juża sustanzi oħra għal sitt snin sħaħ. Qal li kien waqaf jieħu meta twieldet bintu u llum ma għadux jieħu. Sadanitatnt meta huwa ta x-xhieda ma kellux avukat tal-fiduċja tiegħu jakkumpanjah, u għalhekk il-Qorti skartat l-istqarrija tiegħu.
Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li peress li Vella kien qed jiġi akkużat bir-reati ta’ traffikar u pussess tar-raża tal-kannabis, meta fil-fatt ma jirriżultax ċar jekk kinitx raża jew pjanta, ma tistax issibu ħati u għalhekk ġie lliberat minn kull akkuża. Għal Tarquin Vella deher l-avukat Mario Mifsud.
//= $special ?>