Lokali Qorti

Preskritta kundanna ta’ sid ta’ ħanut li hedded lill-president tal-NGO Repubblika iżda multa ta’ €3,000 konfermata

Ritratt: Matthew Tabone

Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat multa ta’ €3,000 li ngħatat lil sid ta’ ħanut fil-Belt fuq kumment fuq Facebook dirett lejn il-president tal-NGO Repubblika, iżda qalbet il-kundanna tiegħu talli hedded lill-attivist, u ddeċidietha bħala preskritta. F’Novembru li għadda, Joseph Camenzuli mill-Mosta, li għandu ħanut tal-ħwejjeġ qrib il-parlament, kien ġie mmultat u ordnat jissottometti ruħu għal ordni ta’ protezzjoni wara li maġistrat sabu ħati ta’ akkużi relatati ma’ theddid li kien għamel taħt post fuq Facebook ta’ Robert Aquilina.

Permezz ta’ profil falz fuq Facebook bl-isem “Mario Borg,” Camenzuli kien kiteb li “aħna noqogħdu kwieti sakemm tirrabjana… u diġà ddejjaqntni fil-Belt u ħa ngħidlek, ibda tibża’ meta tkun waħdek fil-Belt Valletta.” Aquilina kien qal lill-Qorti tal-Maġistrati li kummenti ta’ din in-natura kienu wassluh biex jirrikjedi l-protezzjoni tal-pulizija.

Iżda Camenzuli kien appella s-sentenza, bl-avukat tiegħu David Gatt jargumenta li l-akkuża li għamel theddid kienet, fil-fatt, preskritta. L-appellant, li qal lill-qorti li kien “ġenwinament insultat b’dak li kiteb Aquilina dwar il-Laburisti u t-tmexxija tagħhom” sostna wkoll li “bl-ebda mod immaġinabbli” ma kien insinwa li kien se jattakka lil Aquilina, fiżikament jew mod ieħor, u li hu kien sempliċement jgħaddi messaġġ.

L-Imħallef innotat li l-appellant deher ukoll li qed jikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti mill-ewwel qorti u kien qed jargumenta li l-piena imposta kienet eċċessiva. Waqt li ddeċidiet il-każ, l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera ma qablitx mal-asserzjoni li l-kummenti tar-raġel kienu miftuħa għall-interpretazzjoni.

“Il-kumment tal-appellant li tella’ hu stess fuq Facebook jidher ċar u jirrifletti rabja. Mhix skuża li Camenzuli kitebha fis-saħna tal-mument u din il-Qorti ma taqbilx mat-talba tal-appellant…li bl-aħħar sentenza tiegħu kien ried li n-nies barra l-Parlament kienu bdew jitkellmu dwaru bħallikieku kienu qed jippjanaw li jagħmlu xi ħaġa kontrih.”

L-Imħallef laqgħet l-ewwel argument ta’ Camenzuli, li l-akkuża relatata mat-theddid kienet preskritta, u għalhekk qalbet il-kundanna f’dak ir-rigward, iżda ċaħdet il-kumplament tal-appell tiegħu, u kkonfermat l-multa ta’ €3000.