Internazzjonali

Russja: Ġuri ieħor għall-kritiku qalil tal-President Putin

Il-Kap tal-Oppożizzjoni fir-Russja jinsab għaddej minn proċess tal-qorti ieħor li qed isir f’ħabs għal sigurtà massima lejn il-lvant ta’ Moska. Intant, Alexei Navalny, li hu l-akbar kritiku tal-President Russu Vladimir Putin, qed jinżamm priġunier f’dan il-ħabs u issa hu qed jiffaċċja akkużi ġodda dwar frodi.

Hu diġà skonta sena ta’ priġunerija (minn sentenza ta’ sentejn u nofs ħabs) wara li salva minn attentat fuq ħajtu bis-sustanza Novichok li tattakka lin-nervatura tal-ġisem. Alexei Navalny qed jakkuża lill-Kremlin ta’ Moska dwar l-attentat.

Intant, il-proċess tal-qorti attwali kapaċi jestendi l-priġunerija ta’ Navalny b’aktar minn għaxar snin. Dan meta l-Kap tal-Oppożizzjoni ilu miżmum taħt arrest minn Jannar tal-2021, meta rritorna r-Russja mill-Ġermanja wara xhur ta’ trattament għall-każ tal-ivvelenar li allegatament kien seħħ f’ajruport tar-Russja.