Internazzjonali

Ukrajna: Ir-Russja tirtira xi truppi mill-fruntiera… iżda kollox għad jista’ iseħħ fis-sigħat li jmiss

Ir-Russja qalet li qed tirtira wħud mit-truppi tagħha mill-artijiet viċin l-Ukrajna. Madankollu, kompliet il-preżenza ta’ għexieren ta’ eluf tas-suldati Russi f’dik iz-zona u meta l-kriżi ma’ Kiev għadha ‘il bogħod milli mitmuma.

Il-possibbiltà li l-Armata Russa tinvadi lill-Ukrajna fis-sigħat li jmiss baqgħet reali avolja l-Ministeru tad-Difiża Russu qal li xi suldati — li, sa ftit ilu, kienu stazzjonati fil-fruntiera mal-Ukrajna — issa rritornaw lejn il-bażijiet tagħhom.

Il-Gvern tal-Ukrajna, iżda, kien għadu qed jistenna l-provi dwar l-irtirar. Il-kelliema fi Kiev sostnew li  ‘għandhom jemmnu biss fid-dieskalazzjoni tal-kriżi ladarba l-Ukreni jaraw  b’għajnejhom li l-iżvilupp qed iseħħ tassew’.

Ingħad li t-truppi Russi li rtiraw lura lejn il-bażijiet tagħhom kienu għaddejjin bl-eżerċizzji fid-distretti militari li jmissu mal-Ukrajna. Dan meta numru ta’ eżerċizzji qed ikomplu – fosthom il-manuvri għall-militar tar-Russja u l-Belarus li jridu jintemmu fl-20 ta’ Frar.

L-istazzjonar tas-suldati Russi mal-fruntiera tal-Ukrajna wassal għal mewġa ta’ diplomazija intiża biex tnaqqas mill-periklu ta’ invażjoni – u mhux ftit ta’ twissijiet lil Moska dwar ‘il-konsegwenzi ta’ gwerra’.

Filwaqt li l-Istati Uniti qed tgħid li ‘l-invażjoni ( tal-Ukrajna) tista’ isseħħ fi kwalunkwe ħin’, ir-Russja qed tkompli tinsisti biex l-Ukrajna ma titħalliex tissieħeb fl-Alleanza tan-NATO.

Fi żvilupp ieħor, il-Parlament tar-Russja vvota biex il-President Russu Vladimir Putin jirrikonoxxi lil Luhansk u Donetsk, fil-lvant tal-Ukrajna, bħala repubbliċi indipendenti. Iż-żewġ reġjuni ilhom mill-2014 okkupati mill-milizzji li jappoġġjaw lil Moska u li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ gwerra mal-Gvern tal-Ukrajna. Dan meta r-Russja, issa, ikkonfermat lis-720,000 resident f’dawk iż-żewġ reġjuni bħala ċittadini Russi.

Kwalunkwe rikonoxximent – min-naħa ta’ Putin – għaż-żewġ reġjuni separatisti fl-art tal-Ukrajna għandu jabbuża l-ftehim għall-paċi attwali f’dik iz-zona.

Intant, is-sorsi qrib il-Gvern tar-Renju Unit qalu li qed jistennew biex jaraw ‘il-vera skala tal-irtirar tas-suldati Russi minn qrib l-Ukrajna’ u jekk l-irtirar setax għamel differenza għall-kriżi.

Fl-istess ħin, l-Ukrajna u r-Russja t-tnejn qed jgħidu li ‘ħarġu minn fuq’ f’din is-sitwazzjoni – bil-Ministru Ukren għall-Affarijiet Barranin Dymytro Kuleba itenni li ‘pajjiżu, flimkien mal-alleati, irnexxielhom iwaqqfu lir-Russja milli jeskalaw is-sitwazzjoni’.

Għal dan wieġbet Maria Zakharova, kelliema għall-Ministeru Russu għall-Affarijiet Barranin, li qalet li ‘l-aħħar żviluppi qegħdin jikxfu l-falliment tal-propaganda min-naħa tal-Punent….Il-Punent li waqa’ għar-redikolu mingħajr il-ħtieġa li jkun sparat imqar tir wieħed’.