Lokali

AĠĠORNATA: Imut is-sewwieq tal-mutur li kien qed iwassal l-ikel meta nqaleb trakk mimli ħadid

Tilef ħajtu s-sewwieq tal-mutur li kien qed iwassal l-ikel meta għall-ħabta tal-11:30 ta’ dalgħodu nqaleb trakk mimli ħadid fuq is-sewwieq u żewġ karozzi fi Triq Aldo Moro, il-Marsa.

It-trakk kien sejjer direzzjoni lejn il-Belt Valletta meta għal xi raġun dan inqaleb u spiċċa fuq crash barrier li taqsam karreġġjata minn oħra. It-trakk baqa’ jitkaxkar u waqa’ fuq żewġ karozzi, Hyundai I20, misjuqa minn raġel ta’ 39 sena mill-Maldovja, u Audi A1, misjuqa minn raġel ta’ 52 sena residenti s-Swieqi.

Stqarrija tal-Pulizija tgħid li s-sewwieq minn Nepal li kellu 28 sena, waqa’ fuqu l-ħadid. Hu ttieħed minnufih l-Isptar għall-kura iżda l-isforzi li saru biex isalvawlu ħajtu kienu kollha għalxejn.

Fuq il-post issejħu l-Pulizija, tal-Protezzjoni Ċivili u numru ta’ ambulanzi b’tim mediku mill-Isptar Mater Dei biex jassistu lil dawk involuti.

Fortunatament, jidher li s-sewwieqa tal-karozzi ma sofrew l-ebda ġrieħi filwaqt li s-sewwieq tat-trakk qed jingħata l-ewwel għajnuna fuq il-post.

Il-Maġistrat tal-Għassa Astrid May Grima ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Fiż-żona nġemma’ ħafna traffiku, bis-sewwieqa qed jintalbu biex jevitaw it-toroq tal-madwar.