Internazzjonali

Brażil: Għexieren ta’ mejtin b’kaġun tal-għargħar u l-valangi

Mietu talanqas 40 persuna wara li l-belt ta’ Petropolis – qalb il-muntanji u lejn it-tramuntana ta’ Rio de Janeiro —  intlaqtet għall-għarrieda minn sensiela ta’ valangi u għargħar.

Is-sitwazzjoni fl-inħawi spiċċat ikkumplikata wara inżul qawwi ta’ xita li dam għal sigħat u bil-konsegwenza li l-ilma tal-għargħar kaxkret il-karozzi fit-toroq tal-belt. Dan ukoll fost ir-rapporti li nqerdu kwantità ta’ djar qalb in-neighbourhoods li  jinsabu fuq għolja f’din iz-zona.

L-awtoritajiet f’Petropolis, sadanittant, iddikjaraw stat ta’ emerġenza waqt li l-iskwadri għal-ħidma ta’ search and rescue kienu qed ifittxu għan-nies li x’aktarx  ‘għerqu’ taħt il-gliegel tat-tajn li mlew it-toroq.

Il-valangi u l-għargħar, intant, ħallew ħsarat estensivi li l-valur tagħhom għadu qed ikun ikkalkulat. Ir-rapporti qalu li f’zona partikulari hemm xejn anqas minn 80 residenza affettwati mill-valangi u meta madwar 200 suldat qegħdin jgħinu fl-isforzi ta’ emerġenza fl-inħawi milqutin.

Il-President tal-Brażil, Jair Bolsonaro — li għaddej bi żjara fir-Russja — qal, sadanittant, li qiegħed jorganizza l-għajnuna immedjata għall-vittmi ta’ Petropolis u l-madwar.