Lokali Parlament

Ħtieġa ta’ Kunsilli Lokali u Għases tal-Pulizja b’aktar investiment favur iż-żieda fis-sigurtà

  • id-Deputat Nazzjonalista Graziella Galea

Id-Deputat Nazzjonalista Graziella Galea, li kienet qed titkellem fit-Tieni Qari tal-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Kodiċi Kriminali Emenda Numru Tnejn, qalet li f’dinja fejn qed nippromwovu kontinwament l-avvanz tal-mara u biex il-mara tingħata d-drittijiet tagħha, żgur li l-femmiċidju m’għandux ikun ittollerat.

Mara m’għandhiex tkun abbużata jew tinqatel sempliċiment għaliex hi tas-sess femmil. Hawn min għandu l-immaġini li l-mara hi aktar vulnerabbli jew fraġli, jew, agħar, li l-mara hi sempliċiment oġġett biex tintuża.

Dan hu Abbozz ta’ Liġi importanti u l-Oppożizzjoni hi favur tiegħu għaliex temmen li għalkemm fadlilna ħafna x’nagħmlu fil-kamp tas-sigurtà u l-edukazzjoni, madankollu dan hu Abbozz ta’ Liġi fid-direzzjoni t-tajba. Hu għalhekk tajjeb li fl-istadju ta’ Kumitat dan l-Abbozz ikompli jkun irfinat permezz ta’ emendi li se tkun qed tressaq l-Oppożizzjoni.

Graziella Galea qalet li l-Oppożizzjoni trid li dan l-Abbozz ta’ Liġi jkollu l-aħjar effetti possibbli fuq is-soċjetà tagħna u hekk ikollna pajjiż aktar sigur.

Tkellmet dwar il-qtil tat-tfajla Pollakka u qalet li dan il-qtil jista’ jkun deskritt bħala vittma tas-soċjetà tagħna. Bħal delitti u abbużi ta’ nisa oħrajn li seħħew qabel dan id-delitt.

Wara kull abbuż u kull inċident hemm persuna umana bid-dinjità tagħha. Dan l-inċident partikulari jwassalna biex nitkellmu aktar dwar kemm għandna bżonn ta’ lokalitajiet aktar siguri. F’pajjiżna jseħħu diversi abbużi u inċidenti serji li iżda jibqgħu ma jkunux rapportati lill-Pulizija għas-sempliċi raġuni li min isofrihom jibża’ jitkellem u jressaq il-każ tiegħu għall-attenzjoni tal-Pulizija.

Graziella Galea kompliet li ħafna drabi l-vittma tispiċċa taħseb ukoll dwar il-fatt li s-soċjetà tista’ ddur fuqha. Hu għalhekk importanti ħafna li jsir investiment akbar fil-Pulizija tal-Komunità. Bħalissa l-Pulizija tal-Komunità qed jitħaddem f’29 lokalità biss. Dan is-servizz għandu jkun estiż f’aktar lokalitajiet f’Malta u f’Għawdex għaliex fih diversi benefiċċji u wieħed għandu japprezza x-xogħol li qed jagħmlu dawn il-membri f’dan is-servizz. Barra minhekk dan is-servizz għandu jkun estiż ukoll f’termini ta’ ħinijiet biex hekk il-lokalitajiet ikollhom is-servizz tal-Pulizija tal-Komunità f’aktar ħinijiet matul il-ġurnata.

Tkellmet ukoll dwar l-importanza li jiżdiedu wkoll il-patrols mill-Pulizija u qalet li dan iservi ta’ deterrent mill-istess patrols. F’diversi lokalitajiet qed iseħħu inċidenti wkoll waqt il-ġurnata. Bla dubju ta’ xejn li b’aktar patrols dawn l-inċidenti jistgħu jitnaqqsu b’mod drastiku.

Graziella Galea tkellmet ukoll dwar l-importanza li jinfetħu l-Għases tal-Pulizija. Ma jagħmilx sens li f’diversi lokalitajiet l-Għases tal-Pulizija jkunu magħluqa. Dawn għandhom ikunu miftuħa u jkunu attrezzati aħjar.

Hi qalet li l-postijiet pubbliċi għandhom ikunu mgħammra aħjar u bl-ebda mod m’għandhom ikunu fi stat li jħajru l-abbuż. Fost l-oħrajn il-postijiet pubbliċi għandhom ikunu mdawla aktar.

Hemm imbagħad il-Kunsilli Lokali li għandhom ikunu punt ta’ riferiment. Il-Kunsilli Lokali għandhom jingħataw il-mezzi meħtieġa biex jinvestu aktar fil-lokalitajiet tagħhom f’termini ta’ sigurtà.