Lokali

Ian Borg jirriffjuta li jwaqqaf il-pjan tal-marina ta’ Marsascala

...ma jweġibx lanqas fuq il-metrò

Il-Ministru Ian Borg qed juri biċ-ċar li ma jinteressahx x’jaħsbu l-Maltin dwar il-proġett tal-Marina f’Marsaskala, u qed jrrifjuta għal kollox li jdoqq l-irtirata fuq din l-idea li mbotta ‘l quddiem il-Gvern Laburista.

Wara li n-nies ta’ Marsaskala għamluha ċara li din il-marina ma jriduhiex, Ian Borg qed jibqa’ jinsisti li ma jħassarx il-pjan li għandu f’moħħu, u jidher li se jibqa għaddej romblu minn fuq ir-rieda tal-elettorat.

Anke forsi għax f’dan il-każ, il-proġett li se jaħtaf il-bajja tal-Iskalin biex jakkomoda lil min irid ipoġġi l-boat tiegħu fil-viċin, ma jinsabx fid-distrett li minnu Borg irid jakkwista l-voti.

Ian Borg minn naħa tiegħu akkuża lil NetNEWS li qed jidħaq bin-nies meta jgħid li l-Iskalin dan il-proġett ma jriduhx.

Il-Ministru nsista li qed jisma’ lin-nies, u baqa’ jirrifjuta kategorikament li jikkommetti ruħu li jwaqqaf dan il-pjan.

Intant staqsejna wkoll lill-Ministru tat-Toroq jekk sarx xi progress b’rabta mal-proġett tal-metrò.

Iżda għal xi raġuni, Borg lanqas dwar il-metrò ma ried iwieġeb tant li tana dahru u pprova jdur fuq ġurnalist ta’ mediahouse ohra li madankollu rrealizza li l-Ministru kien għadu ma weġibx u tah iċ-ċans jirrispondi l-mistoqsija tagħna, biex xorta, baqa’ jaħrab li jagħti tweġiba dwar dak li wiegħed hu stess ftit tax-xhur ilu.