Lokali

“Ikompli jiddefendi lill-kriminali minflok jipproteġi lil Malta”

Għaddew erba’ snin u erba’ xhur minn mindu l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ġiet assasinata … xhur li wieħed jistenna li pajjiżna jkun għamel passi ta’ ġgant ‘il quddiem favur id-demokrazija, liema tibdil wieħed jibqa’ jistenna li jseħħ.

Kien dan li intqal waqt velja li saret fit-52 xahar mill-qtil ta’ Caruana Galizia, organizzata mill-għaqda mhux governattiva, Repubblika.

Il-kelliema saħqu li l-Prim Ministru bħallikieku qed jilgħabha li mhux jisma’ minkejja li kontinwament jgħid li qiegħed hemm għan-nies. Jilgħabha li mhux jisma’ x’inhuma verament it-talbiet tal-poplu Malti biex pajjiżna jimxi ‘l quddiem.

Il-President ta’ Repubblika, Robert Aquilina qal li m’huma se jħallu lil ħadd jitradixxi lil Malta biex jaqdi lill-kriminali u lill-politiċi korrotti.

Aquilina saħaq li fl-aħħar ġimgħat, numru ta’ persuni fil-Gvern u fil-Partit Laburista għamlu kuntatt mal-għaqda u qalu li jinsabu ddiżgustati bit-tmexxija tal-Labour.

Kompla li Robert Abela hu komdu jagħmilha mal-kriminali ta’ Kastilja u anke jagħmel biċċa negozju ma’ allegat kriminal, filwaqt li m’għandu l-ebda rispett lejn il-ġurnalisti.