Il-mument li għażel il-Prim Ministru joħloq id-dubji, fi żmien meta Abela jinsab taħt pressjoni minħabba deal li għamel personalment dwar propjetà ma’ allegat kriminal. Jista’ jkun li għamel hekk biex jipprova jdawwar l-attenzjoni tan-nies?
Hekk staqsa l-ġurnal The Malta Independent, fl-Editorjal tiegħu, li tratta dak li saħansitra sejjaħ bħala il-Fjask ta’ Żonqor Point, aktar minn sitt snin wara li l-Gvern Laburista nnegozja art verġni f’din iz-zona ta’ Marsaskala biex jagħtiha lil imprendituri barranin sidien tal-Università tal-Ġordaniżi.
Issa, Robert Abela għamel u-turn u l-art fiż-Żonqor se terġa’ lura f’idejn il-Gvern, bil-ġurnal jinnota wkoll kif din il-mossa waslet wara li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech wiegħed li Gvern ġdid immexxi minnu jagħmel dan il-pass, ladarba l-Gvern Laburista ma riedx jieħu azzjoni.
Fl-2015, dan id-deal bejn il-Gvern u s-sidien tal-Università tal-Ġordaniżi kien suġġett għal diversi protesti organizzati mill-Partit Nazzjonalista u l-ambjentalisti, li kienu jtennu li z-zona ta’ Żonqor Point ma kellha qatt tkun żviluppata.
Iżda hu fatt kurjuż ukoll, tenna l-Editorjal, li Abela ħa din id-deċiżjoni fi żmien meta l-kwistjoni tal-Marina fil-Bajja pittoreska ta’ Marsaskala reġgħet qed tgħolli rasha, b’aktar residenti u għaqdiet iżidu pressjoni fuq il-Gvern biex din ma ssirx.
Għaldaqstant, tenna l-ġurnal, issa wieħed irid jistenna x’se jinkludi l-ftehim il-ġdid li l-Gvern se jagħmel mal-Ġordaniżi, ladarba – skont Robert Abela nnifsu – dan se jkun pubbliku u skrutinat mill-Parlament. Dan anke fid-dawl tal-fatt li l-Gvern beħsiebu jagħti sit fi Smart City biex suppost tkun estensjoni tal-kampus li dawn għandhom f’Bormla.
//= $special ?>