Il-Partit Nazzjonalista qed juri biċ-ċar li hu Partit li mhux biss lest jisma’, iżda li jkun il-vuċi ta’ kull persuna fis-soċjetà. Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista ressaq numru ta’ proposti biex tissokta l-inklużjoni tal-komunità LGBTIQ.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-President tal-FOIPN Jamie Vella, il-Viċi President Rebekah Cilia u l-membru tal-FOIPN Stanley Portelli ħabbru numru ta’ proposti biex ikomplu jgħinu fl-inklużjoni ta’ din il-komunità.
Filwaqt li r-ranking ta’ Malta bħala pajjiż mexxej fil-qasam tad-Drittijiet LGBT għandu jagħmilna kburin, tajjeb inżommu f’moħħna li kisbiet fil-qasam tad-drittijiet civili u l-ugwaljanza qatt ma huma garantiti u jeħtieġu tisħiħ kontinwu li jirrifletti r-realtajiet u l-isfidi preżenti.
Il-kelliema qalu li l-Partit Nazzjonalista jaf bħala fatt li hawn hafna anzjani LGBTIQ ġejjin minn ġenerazjoniet fejn għal zmien twil kellhom bilfors jaħbu l-identitá tagħhom, fejn reati omofobiċi kienu aktar kommuni, iżda llum ftit li xejn nafu dwar x’effetti permanenti din t-trawma ħalliet fuqhom.
Barra minhekk, hemm anzjani LGBTIQ li, malli jaslu f’età fejn isiru aktar dependenti fuq familjari, carers jew assisted living facilities, dawn jagħżlu li jerġgħu jaħbu l-identità tagħhom minħabba biza’ li ma jkunux aċċettati.
Ghal dan il-għan, Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed jaħdem id f’id f’kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-Kummissjoni tal-Anzjanità biex issir riċerka iffanzjata mill-Gvern, fuq perjodu ta’ żmien stabbilit, bl-għan li din tidentifika kif anke toffri rakkomandazzjonijiet lill-Gvern ħalli jkunu indirizzati l-isfidi identifikati u titjieb il-kwalità tal-ħajja għal dawn il persuni.
Partit Nazzjonalista fil-Gvern jinvesti f’ċentri reġjonali li fihom isiru attivitajiet għal integrazzjoni aktar b’saħħitha tal-komunità LGBTIQ fi ħdan is-soċjetà, liema attivitajiet jindirizzaw b’mod partikulari l-problema tal-iżolament tal-anzjani, u dawk akbar fl-età fi ħdan il-komunità LGBTIQ.
Dan jista’ jsir b’kollaborazzjoni sħiħa mad-diversi għaqdiet non-governattivi u volontarji li jaħdmu f’dan il-qasam u li llum diġà iwettqu ħafna xogħol f’dan ir-rigward. Barra minhekk, Gvern Nazzjonalista jinvesti wkoll b’mod adegwat f’GU Clinic li jkollha l-finanzjament u l-istaff adegwat biex tkun tista’ taqdi d-dmirijiet tagħha bl-aħjar mod possibli.
//= $special ?>