Lokali Parlament

Il-Prim Ministru għandu ħafna iktar x’jispjega

Il-Prim Ministru Robert Abela għandu ħafna iktar x’jispjega hekk kif id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi żvela fil-parlament li familjari tal-Prim Ministru kienu qed jużaw karozza fuq isem Christian Borg.


Jason Azzopardi qal li hekk kif qed insellmu l-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia, it-52 xhar mill-qtil tagħha, jifhem li qed infakkru l-importanza tar-riċerka tal-verità biex dan il-pajjiż.


Il-pajjiż irid ifiq u jieħu r-ruħ, jitneħħa mill-lista l-griża li qed issallab eluf ta’ nies u negozji innoċenti kulmeta jmorru l-bank u jiġu stmati ta’ kriminali u ninħelsu mill-morsa tal-kriminalità organizzata mafjuża li qed taħkem bħall-qarnita.
“M’iniex iblah. Naf li r-ricerka għall-verità li tikxef l-għanqbut tal-Mafja f’Malta għandha prezz. Però x’jiswa li tkun membru parlamentari u ma tiġġilidx favur is-sewwa akkost ta’ kollox?”, sostna Jason Azzopardi.


Hu qal li hemm racket u assoċjazzjoni kriminali li ilu għaddej mill-2014 u li jinvolvi uffiċjal għoli ta’ Transport Malta, uffiċjal tal-LESA u allegati kriminal, li kien sieħeb fin-negozju mal-Prim Ministru, li bħalissa qed hemm dwaru xhieda tal-waħx mill-qorti fil-każ tal-allegat abduction u l-kumpanija Goldcar tal-kiri tal-karrozzi, dik li f’Diċembru 2014 tat donazzjoni ta’ erba’ karrozzi lill-President ta’ Malta għall-CCF.


Permezz ta’ dan ir-racket numru kbir ta’ karrozzi tal-kiri ta’ kumpanija Goldcar, li wieħed mid-diretturi tagħha huwa allegat kriminal li l-Ħadd li għadda qrajna fis-Sunday Times li kien il-klijent, ħabib u sieħeb fin-negozju mal-Prim Ministru ta’ Malta, ikollhom multi għal traffic contraventions imħallsa iżda ma jaslux għand TM, il-kelma li jużaw hija ‘ġew lifted’.


Hemm mijiet ta’ eluf kbar ta’ multi ġejjin minn kontravenzjonijiet tat-traffiku. L-ammont fl-aħħar sitt snin joqrob it-€3 miljuni f’multi imħallsa minn turisti/dawk li jkunu krew dawn il-vetturi li iżda qatt ma waslu għand TM.
Jason Azzopardi qal li dak li jiġri huwa li uffiċjal tal-LESA, b’allegat ftehim ma’ Christian Borg u uffiċjal għoli ta’ Transport Malta, joħrog kontravenzjonijiet fuq il-vetturi mikrija minn Goldcar. Dawn ikunu mikrija lil turisti li jintalbu jħallsu dawn il-multi meta jirritornaw il-vettura mikrija, u dawn iħallsuhom.


Li jiġri però huwa li dawn il-flus qatt ma jaslu għand TM għax uffiċjal għoli ta’ TM, li kunjomu jibda bl-A u li wara l-2013 fi TM gew ivvintati promozzjonijiet għalih biss u l-uffiċjal tal-LESA kunjomu jibda bis-C u li huwa counting agent tal-PL f’kull elezzjoni ġenerali, jara li l-kontravenzjonijiet ma jibqgħux jidhru fis-sistema, il-kelma li huma juzaw tkun ‘ġew lifted’. Ninsab dispost li nagħti d-dettalji tal-persuni involuti f’dan ir-racket lill-pulizija jekk jitolbuni. Ovvjament ħadd qatt m’hu se jkun jaf min kienu s-sorsi tiegħi.


Hu sostna li dawn huma n-number plates ta’ wħud mill-vetturi tal-kiri ta’ din il-kumpanija li kellhom eluf kbar ta’ multi li tħallsu mit-turisti iżda li l-flus għalihom qatt ma waslu għand TM b’dan il-mod: IQZ 856, IQZ 858, IQZ 956, IQZ 986, IQZ 948, IQZ 954 u IQZ 953.
Dawn huma kollha karrozzi proprjetà tal-allegat kriminal li qrajna dwaru l-Ħadd li għadda u li jiftahar li l-Prim Ministru huwa ħabib u avukat tiegħu. Dan huwa l-istess persuna li l-Prim Ministru ta’ Malta, li għandu d-dmir – suppost – li joħroġna mill-greylist, qatt ma għamel due diligence fuqu biex jkun jaf kif f’temp ta’ sitt snin xtara diversi proprjetajiet li jiswew iktar minn €1 miljun bla loan u ta’ età żagħżugħa.


Jason Azzopardi qal li gie fil-pussess tal-FCID recording li allegatament sar minn mobile ta’ impjegat ta’ Christian Borg fejn fih jinstema’ Christian Borg jgħid dan il-kliem jew simili: “u toqgħodx tinkwieta għax hemm il-Bobby warajna”.
Issa min huwa dan il-Bobby jgħidulna l-FCID. Jista’ jkun kien qed jirreferi għal Bobby Moore jew għal Bobby Solo. Imma jista’ jkun ħaddieħor ukoll hux hekk?, irrimrka Jason Azzopardi.


Jirriżulta li fl-2020, wara li Robert Abela sar il-Prim Ministru, ħareġ tender minn TM għal kiri ta’ 38 vettura low emission motor vehicles u żewġ self drive vans u cargo van (CT 2199/2020). Kumbinazzjoni Goldcar ġiet l-ewwel meta lanqas biss setgħet titħalla titfa’ offerta!


Jason Azzopardi poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra ritratt li ttieħed tmien xhur ilu biss; fis-sajf. Juri karrozza Range Rover tal-kiri li qed tinstaq. Dik il-karrozza dakinhar kienet reġistrata fuq isem Christian Borg. Kienet qed tinstaq mix-xufier ta’ membru tal-familja tal-Prim Ministru flimkien ma’ din il-membru tal-familja Abela.
Ovvjament naf min hi, imma per prudenza qed nieqaf hawn u ngħid membru tal-familja biss. Nemmen li issa iktar minn qabel il-Kamra u l-poplu għandna dritt inkunu nafu eżattament x’inhi r-rabta bejn Robert Abela u Christian Borg u jekk CB huwiex biss prestanome għal xi ħadd magħruf.


Hu qal li mhux ta’ b’xejn il-Prim Ministru kien kontra t-12-il Abbozz ta’ Ligi tal-Oppożizzjoni li kien jagħmel l-assoċjazzjoni f’għaqda kriminali mafjuża bħala delitt serju u gravi, kien jagħti iktar poteri lill-Pulizija biex jinvestigaw ir-reat ta’ ħasil ta’ flus u korruzzjoni, kien jaħtar Maġistrat dedikat biss kontra l-korruzzjoni u kien jagħti poter lill-Qorti Kriminali toħrog ordni ta’ iffrizar ta’ proprjetà jekk il-kriminal jew il-poltiku ma jkollux spjega dwar kif ikun akkwista proprjetà li tkun tiswa ħafna, ħafna flus. Mhux ta’ b’xejn!, irrimakra Jason Azzopardi