Lokali

“Irridu Korp seren għall-ġid tas-soċjetà” – Bernard Grech

“Membri tal-Korp tal-Pulizija li jaħdmu b’serenità hija garanzija għas-soċjetà, u Gvern ġdid immexxi minni jrid li pajjiżna jkollu korp aktar b’saħħtu u aktar determinat. Irrid li l-Korp tal-Pulizija jżomm l-esperjenza u mhux li jkompli jitlef mill-membri tiegħu, għaliex jekk jitlef il-Korp, jitlef il-pajjiż.”

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’laqgħa li kellu ma rappreżentanti tal-Police Officers Union fejn flimkien mal-President tal-POU Raymond Zammit, u rappreżentanti tal-Union, huma tkellmu dwar id-diffikultajiet li l-membri tal-Korp qed iħabbtu wiċċhom magħhom.

Filwaqt li rringrazzjaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista rigward il-proposta li Gvern ġdid Nazzjonalista jara li membri tal-Korpi Dixxiplinati jibqgħu jirċievu l-pensjoni tal-25 sena servizz anke jekk jagħżlu li jibqgħu jagħtu s-servizz tagħhom fil-komunità…. bil-union qed tinsisti li tali proposta tfisser li tinżamm l-esperjenza… huma saħqu wkoll dwar il-bżonn li l-Korp jiġbed aktar persuni lejh sabiex japplikaw.

Dan filwaqt li spjegaw li bħalissa hawn mal-10% tal-membri li komplew jaħdmu fil-korp wara l-għeluq tal-25 sena u għaldaqstant mhux qed igawdu mill-pensjoni li suppost huma intitolati għaliha…jekk jiddeċiedu li jitilqu. Għaldaqstant numru ta’ pulizija qed jispiċċaw jitilqu mill-Korp sabiex isibu xogħol ieħor filwaqt li jgawdu mill-pensjoni tas-servizz…fatt li qed ikidd ħafna lill-ħidma tal-Korp.

Wara l-introduzzjoni tal-Community Policing, u nuqqas kbir ta’ reklutaġġ – hekk kif ma kull 3 uffiċjali li jitilqu qed jidħol wieħed biss… qed ibgħatu ħafna l-għasses tad-distrett fejn saħansitra qed jispiċċaw jingħalqu minħabba li m’hemmx uffiċjali biżżejjed.

Dan filwaqt li ġie spjegat li f’Għawdex fl-aħħar sentejn l-uffiċjali naqsu għal 100 għaliex dawk l-uffiċjali li spiċċaw bi żmien lanqas biss ġew sostitwiti b’uffiċjali ġodda – għad-detriment tal-ħidma tal-Korp li inevitabbilment spiċċa iddgħajfet. 

Hawn, il-PoU enfasizzat il-fatt li l-akbar sfida għar-reklutaġġ ċertament hija l-paga baxxa li persuna jkollha waqt li tkun fl-akkademja. Ir-rappreżentanti tal-union saħqu li bi ftit aktar mill-paga minima f’idejk fuq l-iskala 18….mhux biżżejjed għal min għandu familja, u għaldaqstant jaqta qalb dak li jkun milli biss jipponta jidħol għal Pulizija.

Bernard Grech minn naha tieghu insista li Gvern ġdid Nazzjonalista jrid li l-Korp tal-Pulizija jikseb ir-rispett li verament jixraqlu, bl-uffiċjali jkollhom id-dinjita u r-riżorsi kollha li jeħtiġulhom …bl-għan aħħari jkun is-sigurtà u l-ġid għal poplu Malti u Għawdxi kollu.   Matul din il-laqgħa il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mid-Deputat Graziella Galea kif ukoll mill-Kelliem għall-Oppożizzjoni responsabbli mill-Forzi Dixxiplinati Beppe Fenech Adami.