– id-Deputat Nazzjonalista Carmelo Mifsud Bonnici
Id-Deputat Nazzjonalista Carmelo Mifsud Bonnici, li kien qed jitkellem fit-Tieni Qari tal-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Kodiċi Kriminali Emenda Numru Tnejn, qal li kulħadd jaqbel li kull persuna fis-soċjetà għandu jkollha mhux biss il-libertà imma anki l-protezzjoni.
Hu qal li kulħadd għandu jkollu l-libertà li jgħix il-ħajja tiegħu kif jixtieq, iżda l-istess persuna għandha jkollha dritt li tippretendi mis-soċjetà l-protezzjoni mixtieqa.
Diversi persuni fis-soċjetà għandu jħossuhom siguri u li jistgħu jgħixu l-ħajja tagħhom bla biża’. Hawn persuni madwarna li f’ċertu ċirkostanzi jħossuhom mhedda. Lil dawn il-persuni għandna nassiguraw li jingħataw l-aqwa protezzjoni possibbli billi jkollna investiment akbar fil-Forzi tal-Ordni.
Barra minhekk għandu jkun hemm investiment akbar fl-edukazzjoni biex hekk kulħadd ikun jaf kif għandu jġib ruħu u x’tip ta’ komportament għandu jimxi miegħu fir-rigward tar-relazzjonijiet ma’ terzi persuni.
Carmelo Mifsud Bonnici qal li diversi persuni nisa kull filgħodu joħorġu jimxu jew imorru jitimgħu l-qtates. Dawn il-persuni għandhom kull dritt li jagħmlu dan u ċertament li dawn il-persuni ħaqqhom kull protezzjoni.
Il-qtil tat-tfajla Pollakka ġab reazzjoni ta’ kundanna u anki ta’ riflessjoni. Grazzi għal dan l-Abbozz ta’ Liġi l-Parlament Malti qed jirriafferma l-valur lejn il-ħarsien tad-dinjità tal-bniedem. Dan l-Abbozz ta’ Liġi qed iħares lejn il-bniedem fit-totalità tiegħu u dan għaliex il-bniedem għandu d-dinjità tiegħu li għandha tkun imħarsa u ħadd m’għandu jabbuża u jwettaq l-ebda femmiċidju fil-konfront ta’ ħadd.
Hemm l-istmerrija tas-soċjetà fil-konfront ta’ min jabbuża u min-naħa tiegħu l-Parlament qiegħed iwassal messaġġ qawwi lill-Ġudikatura biex tkun severa f’każijiet ta’ abbuż ta’ femmiċidju. Kull persuna qegħda hemm fit-totalità tad-dinjità tagħha u għalhekk m’għandha tkun qatt soġġetta għal xi saħħa ta’ poter jew saħħa fiżika minn ħaddieħor fuqha. L-ebda persuna ma hi oġġett u kull persuna għandha d-dinjità tagħha li għandha tkun rispettata.
Carmelo Mifsud Bonnici temm li ma ninsewx li kull persuna hi magħmula mill-ġisem u r-ruħ tagħha u għalhekk m’għandniex ninsew ir-rabtiet tal-bniedem mal-Kreatur u l-Ħallieq. U għalhekk hu importanti li kulħadd igawdi l-libertà u jgħix fil-libertà għaliex l-ebda persuna ma hi oġġett. Is-soċjetà għandha tibqa’ twieġeb bis-saħħa favur id-dinjità tal-bniedem u favur ir-rispett li kull bniedem għandu jkollu.
//= $special ?>