“Is-saltna tad-dritt hija l-bażi li fuqha huma mibnija t-Trattati tal-Unjoni Ewropea. Huwa fundamentali li l-Istati Membri kollha jimxu mat-Trattati li ffirmaw għalihom meta ssieħbu fl-Unjoni Ewropea. Il-valuri huma importanti, u ċ-ċittadini għandhom id-dritt li jkunu jafu kif jintużaw il-fondi komuni li ġejjin mill-Unjoni Ewropea.”
Sostniet dan il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola wara li l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ilum ikkonfermat il-kundizzjonalità tar-regolamenti dwar is-saltna tad-dritt, wara li l-istess Qorti ċaħdet it-talbiet tal-Ungerija u l-Polonja biex dawn ikunu nulli.
Is-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tikkonferma l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew sabiex jiġi protett il-baġit tal-Unjoni Ewropea minn użu ħażin minn gvernijiet nazzjonali li qed jiksru s-saltna tad-dritt.
F’din l-okkażjoni, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-Parlament Ewropew issa jistenna li l-Kummissjoni Ewropea tapplika l-mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità malajr. Il-kundizzjonalità tal-fondi tal-UE marbuta mar-rispett tas-saltna tad-dritt mhijiex negozjabbli għall-Parlament Ewropew.
