Rodrick Azzopardi Zerafa, eks ġurnalist tal-media Laburista u tal-media tal-GWU, illum wieħed mill-Assistenti tal-Ministru Ian Borg, uża l-Facebook biex jgħid prosit lill-Ministru tiegħu stess … f’mossa li wasslet biex diversi atleti tawh ħasla papali għall-mod kif qisha id qed tfaħħar lill-id l-oħra.
Wara li sar magħruf li l-Maratona ta’ Malta ma kinitx se ssir, il-Gvern ipprova jintogħġob mal-atleti billi qal li se jkun qed jorganizza attività tliet ġimgħat oħra. Din il-mossa sabet il-kundanna ta’ ħafna atleti, li fost l-oħrajn staqsew kif tista’ attività bħal din tittella’ fi żmien daqstant qasir, aktar u aktar meta s’issa għadu beda jitlaqqa’ biss il-Kumitat Organizzattiv.
Iżda quddiem din il-kritika, Rodrick Azzopardi Zerafa pprova jiġbor ġieh il-Ministru tiegħu billi qal “Prosit” lill-Ministeru li hu stess jifforma parti minnu. Mossa li wasslet għal ħasla mingħand l-atleti, li staqsewh jekk nesiex ibiddel il-profile biex ma jidhirx li kiteb hu, filwaqt li oħrajn iddikjarawlu li m’għandux idea kif tkun organizzata attività tal-atletika.
Fl-aħħar ġimgħat u xhur, il-Ministru Ian Borg kien fil-mira ta’ kritika, fost l-oħrajn minħabba li qed jappoġġja bis-saħħa l-proġett ta’ Marina fil-Bajja pittoreska ta’ Marsaskala … xi ħaġa li s’issa sabet biss kritika mir-residenti u l-għaqdiet li għandhom għal qalbhom din il-Bajja u l-lokalità.
Għaldaqstant, u quddiem din il-kritika, jidher li l-Ministru Ian Borg qed jagħmel minn kollox biex l-Assistenti tiegħu u Uffiċjali oħrajn fil-Ministeru tiegħu jappoġġjawh f’kull ħaġa li jagħmel. Fost l-oħrajn, dan qed jagħmluh billi jirrekordjaw lill-ġurnalisti waqt li jkunu qed jagħmlu xogħolhom biex jippruvaw jintimidawhom u issa, qed jordnalhom jgħidulu “prosit” fuq il-Facebook.
//= $special ?>