Internazzjonali Unjoni Ewropea

“L-Ewropa mhix ‘cash cow’ imma komunità msejsa fir-rispett għad-demokrazija” – David Casa

“M’hemmx dubju li l-Kummisjoni Ewropea se tkun qed tikkunsidra s-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tal-lum b’attenzjoni kbira. Nistennew azzjoni rapida u konvinċenti kontra l-ksur tas-saltna tad-dritt. L-Ewropa mhix cash cow imma komunità msejsa fir-rispett għad-demokrazija u l-libertajiet fundamentali.”

Dan kien il-kliem tal-Membru Parlamentari Ewropew, David Casa hekk kif aktar kmieni llum, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja kkonfermat il-kundizzjonalità tar-regolamenti dwar is-saltna tad-dritt, wara li l-istess Qorti ċaħdet it-talbiet tal-Ungerija u l-Polonja biex dawn ikunu nulli.

L-Ungerija u l-Polonja tilfu proċess ġudizzjarju fejn ikkuntestaw regola tal-Unjoni Ewropea li tippermetti biex il-fondi ( lill-pajjiżi-membri) ekwivalenti għall-biljuni tal-ewro jingħataw ‘bil-kundizzjoni li l-Istati msieħba jirrispettaw il-kriterji demokratiċi’.

Il-Qorti Ewropea għall-Ġustizzja ddeċidiet li r-rispett għal din il-liġi għandu jitqies bħala kundizzjoni prinċipali għal kull Stat li jrid igawdi mill-benefiċċji tas-sħubija fl-Unjoni. Dan wara li l-Gvernijiet tal-Ungerija u l-Polonja, fl-aħħar snin, iffaċċjw l-akkużi fis-sens li huma naqsu bil-kbir fil-ħarsien tad-demokrazija.

Is-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tikkonferma l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew sabiex jiġi protett il-baġit tal-Unjoni Ewropea minn użu ħażin minn gvernijiet nazzjonali li qed jiksru s-saltna tad-dritt.