Lokali

“Proposta li se tgħin lin-negozji jinqalgħu mill-problema ta’ cashflow” – PN

Ritratt Martin Agius

“Din hija proposta intiża biex tagħti nifs lis-settur privat, lis-self employed u lill-kumpaniji sabiex ikunu jistgħu iħallsu t-taxxi dovuti tul perjodu ta’ tmien snin. Dan meta ħafna minn negozji tagħna qed jiffċċjaw problemi anke kawża tal-pandemija”.

“Hekk kif ħafna negożji qed jiffaċċjaw problema ta’ cashflow, il-proposta tal-Partit Nazzjonalista li taxxa li kienet dovuta mill-2020 ‘l hawn u li ġiet posposta, tkun tista titħallas bla interessi fuq perjodu ta’ tmien snin hija waħda li għandha l-għan li ssostni lill-businesses fl-aktar żmien delikat għalihom”.

Dan sostnewh id-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech u l-kandidat tal-Partit Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia waqt konferenza tal-aħbarijet aktar kmieni waranofshinar.

Claudio Grech ddeskriva din il-proposta bħala waħda f’waqtha, u li ser tgħin lis–settur privat. Huwa qal li fiż-żmien li qegħdin fih din il-proposta se tagħti ċ-ċertezza li filwaqt li tinġabar it-taxxa dovuta, ma jkunx hemm pressjoni żejda fuq negożji li diġà qed jiffaċċjaw problema ta’ likwidità.

Jerome Caruana Cilia spjega li din il-proposta ħarġet wara konsultazzjoni man-negozji.

Caruana Cilia semma sfidi oħrajn li qed jiffaċċjaw in-negozji tagħna, fosthom il-Greylisting, u l-livelli aktar baxxi ta’ bejgħ f’ħafna oqsma.

Hu qal li allura l-proposta tal-PN biex taxxi dovuti jitħallsu fuq perjodu ferm itwal biex jagħtu nifs lin-negozji se tkun qed tgħin lil ħafna jżommu l-investiment li għamlu tul is-snin u jkomplu jinvestu għall-futur.