Sport Sport Ieħor

Rebbieħ Ġdid Għall-Aston Martin

It-tim tal-Aston Martin għandu sewwieq ieħor li qed jirbaħ it-tlielaq tal-V1 Malta Series organiżżati minn Velocity Esports Racing hekk kif Christian Sammut mit-Tieni Kampjonat rebaħ il-Grand Prix tal-Belġju għat-tim tal-karozzi ħodor.

Sammut rebaħ din it-tellieqa wara rimonta mpekkabbli li bdiet mit-tmintax -il post fejn minnha beda ġewwa Spa iżda sensiela ta’ nċidenti u Safety Cars għenu lil dan is-sewwieq biex finalment jirbaħ din it-tiġrija. Ir-rebħa ta’ Sammut kienet ukoll premju tal-konsistenza li kien qed ikollu dan is-sewwieq hekk kif anke fl-Ungerija, hu rnexxielu jtemm fit-tielet post wara Thomas Elder, li rebaħ fuq Alpha Tauri u Liam Gatt li spiċċa t-tieni fuq McLaren.

Christian Sammut ġie akkumpanjat fuq il-podju Belġjan minn Lance Borg li spiċċa t-tieni fuq McLaren u Thomas Elder li poġġa l-Alpha Tauri tiegħu fit-tielet post, l-istess pożizzjoni li dan tal-aħħar qed jokkupa fil-klassifika tas-sewwieqa b’ 106 punt, sitta inqas minn Ephrom Tabone (Alfa Romeo) li b’ 112 għadu qed jokkupa t-tieni post. Liam Gatt (McLaren Mercedes) għadu f’ ras il-klassifika b’ 158 punt.

Fil-Kampjonat prinċipali, ikompli d-dominju ta’ Ryan Carabott.  Is-sewwieq tal-Aston Martin rebaħ sew fl-Ungerija, kif ukoll fil-Belġju. Il-Klassifika tas-Sewwieqa fil-Kampjonat Prinċipali tara lil Ryan Carabott fl-ewwel post b’ 201 punt segwit minn Jake Sammut (Ferrari) b’ 145 u Michael Pace (Mercedes) b’ 107. Min-naħa l-oħra, fil-klassifika tal-Kostrutturi, l-Aston Martin komplew imexxu b’ 201 punt segwiti mill-Ferrari b’ 145 u r-Red Bull b’ 136.