Is-Segretarju tan-NATO, Jens Stoltenberg, qed jgħid li mhux jara xi dieskalazzjoni sinifikattiva fis-sitwazzjoni militari bejn ir-Russja u l-Ukrajna minkejja t-tamiet li għaddiet l-agħar tal-kriżi. Fil-fatt, Stoltenberg sostna li Moska ‘qed tkompli żżid is-suldati tagħha’ fl-artijiet viċin ħafna tat-territorju Ukren.
L-Alleanza tal-Punent għadha suspettuża ħafna dwar ‘il-vera ambizzjonijiet tar-Russja’ u minkejja r-rapporti li numru ta’ truppi Russi ntbagħtu lura lejn il-bażijiet fil-qalba tar-Russja wara li kien ilhom il-ġimgħat skjerati mal-fruntiera tal-Ukrajna. Dan waqt li l-kelliema Russi qalu li ‘aktar qawwiet ( ta’ Moska) qed ikomplu jirtiraw mill-fruntiera inkwistjoni.’
L-aħħar żviluppi seħħew wara li l-President tar-Russja, Vladimir Putin qal hu ma jridx li tinqala’ gwerra u waqt li l-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, tkellem b’mod pożittiv dwar politika ta’ djalogu mal-Punent f’dawn il-jiem diffiċli.
Fl-aħħar sigħat ukoll, il-Ministeru Russu għad-Difiża ħareġ ir-ritratti li juru l-vetturi militari waqt li qed jitilqu mill-penisola tal-Krimea. Sadanittant, il-Kremlin ta’ Moska saħaq li Vladimir Putin hu favur ta’ negozjati u diplomazija li jitrattaw it-tensjoni mal-Ukrajna. Fl-istess ħin, ir-Russja tqis il-fatt li l-President Amerikan Joe Biden irid it-taħditiet ma’ Moska bħala ‘żvilupp inkoraġġanti’.
In-NATO, iżda,mhix qed tafda fl-intenzjonijiet tar-Russja u beħsiebha żżomm l-ogħla stat ta’ allert għal dak li għad jista’ iseħħ mal-fruntiera tal-Ukrajna. Dan waqt li l-Ministri tad-Difiża tal-Alleanza ssieħbu għal laqgħa fi Brussell ( fil-Belġju) biex jiddiskutu t-theddida ta’ invażjoni tal-Ukrajna mis-suldati Russi.
Rapporti oħra sinifikattivi, fl-aħħar sigħat, irreferew għal sensiela ta’ attakki ċibernetiċi li paralizzaw il-websajts tal-Ministeru tad-Difiża tal-Ukrajna.
Il-Kremlin ċaħad li r-Russja hi responsabbli għal dawn l-attakki iżda sostna li ‘ma jkunx sorpriż jekk l-Ukrajna twaħħal fir-Russja għal dak li seħħ’. Dan meta ċ-ċentru Ukren għas-sigurtà ċibernetika sostna li ma kellux indikazzjoni dwar is-sors tal-attakki u fejn ‘mhux jeskludi azzjoni ostili min-naħa ta’ Moska’.
Intant, l-Ukrajna qed tfakkar jum għall-għaqda nazzjonali wara l-aħħar rapporti mill-Istati Uniti dwar ‘il-probabbiltà li l-invażjoni ( tal-Ukrajna) mill-qawwiet Russi sseħħ ‘f’nofs din il-ġimgħa’.
//= $special ?>