Internazzjonali

Unjoni Ewropea: L-Ungerija u l-Polonja ‘iħallsu l-prezz’ għal disrispett tar-regoli

L-Ungerija u l-Polonja tilfu proċess ġudizzjarju fejn ikkuntestaw regola tal-Unjoni Ewropea li tippermetti biex il-fondi ( lill-pajjiżi-membri) ekwivalenti għall-biljuni tal-ewro jingħataw ‘bil-kundizzjoni li l-Istati msieħba jirrispettaw il-kriterji demokratiċi’.

Il-Qorti Ewropea għall-Ġustizzja ddeċidiet li r-rispett għal din il-liġi għandu jitqies bħala kundizzjoni prinċipali għal kull Stat li jrid igawdi mill-benefiċċji tas-sħubija fl-Unjoni. Dan wara li l-Gvernijiet tal-Ungerija u l-Polonja, fl-aħħar snin, iffaċċjw l-akkużi fis-sens li huma naqsu bil-kbir fil-ħarsien tad-demokrazija.

Sadanittant, il-Partit Fidesz li qed imexxi lill-Gvern tal-Ungerija kkundanna l-verdett bħala deċiżjoni politika. Fl-istess ħin, il-Viċi-Ministru Pollakk, Janusz Kowalski, akkuża lill-UE ‘b’li qed tipprova tkisser lill-Polonja u l-Ungerija minn aspett finanzjarju’.

Iżda l-Qorti Ewropea għall-Ġustizzja għamlitha ċara li l-immaniġġjar tajjeb tal-baġit tal-UE kapaċi jkun kompromess mill-abbuż tar-regoli u bir-riżultat li jbati kulħadd mis-sitwazzjoni’. Hi fakkret li l-Istati-membri tal-Unjoni ntrabtu biex jaħdmu favur il-valuri komuni bħar-rispett għal-liġi u l-kunċett tas-solidarjetà filwaqt li jippermettu biex l-UE tiddefendi proprju lil dawn il-valuri.

L-Ungerija u l-Polonja kienu investigati dwar politika li ttellef l-indipendenza tal-qrati, il-media u l-NGOs fil-pajjiżi rispettivi. Dan waqt li ż-żewġ pajjiżi, tul is-snin, irċevew finanzjament sostanzjali mill-fondi tal-UE, Fil-fatt, il-verdett tal-qorti kapaċi jaffettwa l-mod kif il-biljuni tal-ewro bħala fondi ‘għall-irkuprar tal-pajjiżi wara l-Covid’ għandhom jitqassmu fost l-Istati-membri tal-Unjoni.

Fl-aħħar sigħat ukoll, il-Ministru tal-Ungerija għall-Ġustizzja Judit Varga akkużat lill-UE dwar ‘abbuż ta’ poter’. Għal dan wieġbet il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, li spjegat li l-mekkaniżmu għar-rispett tal-liġi validu madwar l-Ewropa qed jaħseb biex jipproteġi l-baġit tal-UE għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha fl-Istati-membri.