Lokali Parlament

Wasalna s’hawn għaliex is-sistema falliet u issa rridu naraw kif se nibnu mill-ġdid

  • id-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo

Id-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo, li kien qed titkellem fit-Tieni Qari tal-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Kodiċi Kriminali Emenda Numru Tnejn, qal li pajjiżna għandu jieqaf u jara għaliex is-sistema falliet u qed iseħħu dawn il-każijiet ta’ femmiċidju. Iżda dan ma hux biżżejjed u rridu naraw kif se nibnu mill-ġdid.

Hu qal li l-Oppożizzjoni taqbel ma’ dan l-Abbozz ta’ Liġi, iżda hu importanti li l-Gvern, l-Oppożizzjoni u l-Esperti Legali jaħdmu biex fi stadju ta’ Kumitat tissawwar l-aħjar Liġi possibbli li tkun tagħmel ġustizzja mal-vittmi.

Hu spjega li l-vittmi huma tnejn… kemm il-vittma li tispiċċa vittma, imma anki min iwettaq ir-reat għaliex dan ukoll għandu bżonn l-għajnuna. Pajjiżna għandu jaħdem qatigħ biex ma jkollniex aktar agressuri.

Hu qal li l-politiċi kollha għandhom xi jwieġbu huma wkoll u għandhom jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom. Il-politiċi għandhom jistaqsu jekk għandhomx xi forma ta’ ħtija għax ma refgħux ir-responsabbiltajiet tagħhom. Il-Parlament għandu jkun mhux biss il-post tad-diskussjoni imma wkoll il-post fejn tintrefa’ r-responsabbiltà. U dan b’mod ħolistiku wkoll.

Edwin Vassallo kompla li bħala pajjiż irridu naraw x’qed isir b’mod effettiv biex dak li ġara ma jerġa’ jiġri qatt. Il-ġlieda lill-vjolenza domestika għandha tissokta b’mod qawwi għaliex ħadd m’għandu jaħseb li għandu xi dritt biex jabbuża lil xi mara jew viċi-versa.

Filwaqt li staqsa x’kultura qed titrawwem fil-pajjiż u x’tagħlim qed jingħata lit-tfal u liż-żgħażagħ, Edwin Vassallo qal li l-liberaliżmu fir-rigward tal-użu tad-droga żgur li mhux se jagħmel ġid liż-żgħażagħ u għalhekk għandu jkun hemm strutturi biex jilqgħu għal dawn ir-realtajiet.

Hu qal li kull darba li jkollna traġedji serji bħal dawn, is-soċjetà tkun qed tipprovdilna opportunità ta’ eżami tal-kuxjenza. Issa sta għalina biex nevitaw aktar ċirkostanzi minn dawn ta’ vjolenza domestika.

Edwin Vassallo appella biex ilkoll naħdmu biex inħarsu u nibżgħu għall-familja. Ejja nemmnu fil-familja. Jekk insaħħ lill-familji allura nkunu qed niġġieldu l-faqar. Il-familja trid tissaħħaħ b’mod ekonomiku, b’mod finanzjarju u b’mod li din tagħraf timxi fid-direzzjoni fejn hemm il-valuri.