Coronavirus Lokali

109 każi ġodda ta’ Covid-19; Jiżdiedu l-pazjenti fl-Isptar

Fl-ahhar 24 siegħa pajjiżna rreġistra 109 każi ġodda ta’ Covid-19, b’45 persuna jinsabu rikoverati l-Isptar Mater Dei waqt li huma pożittivi għall-virus, inkluż 3 pazjenti li qed jingħataw il-kura fl-ITU.

Fl-istess waqt, tħabbar li bejn l-Erbgħa u l-Ħamis fiequ 292 persuna, sabiex b’hekk il-każi attivi issa qed jammontaw għal 1,197.

Tul il-jum, il-Ministru tas-Saħħa ħabbar li għall-aħħar ta’ April – bidu ta’ Mejju – se jitneħħew il-maġġoranża tal-miżuri abbinati mal-Covid-19, filwaqt li għal din ix-xitwa mhux se jkollna bżonn ir-raba’ doża tal-vaccin.

Intant…minn nhar it-Tnejn li ġej, il-perjodu ta’ kwarantina ta’ dawk il-persuni li jkollhom kuntatt dirett ma’ persuna oħra pożittivi għall-virus u huma mlaqqma bil-booster se jinżel għal ħamest ijiem minn sebat ijiem.

Il-Ministru tas-Saħħa ħabbar ukoll li jekk is-sitwazzjoni tal-pandemija f’pajjiżna tibqa taħt kontroll, mis-7 ta’ Marzu, il-kwarantina ta’ dawk il-persuni li jkollhom kuntatt dirett ma’ persuna pożittiva għall-coronavirus titneħħa għal kollox. Apparti dan mis- 7 ta’ Marzu wkoll, il-perjodu ta’ kwarantina ta’ dawk il-persuni li jittestjaw pożittivi għal-Covid u huma mlaqqma bil-booster, se tinżel għal sebat ijiem minn għaxart ijiem.

Chris Fearne qal ukoll li dan ir-rilaxx ta’ miżuri se japplika wkoll għal dawk it-tfal li jkunu ħadu ż-żewġ dożi tat-tilqima kontra l-Covid-19.

Mis-7 ta’ Marzu, dawk il-passiġieri li jkunu ġejjien minn pajjiżi li jinsabu f’red zone, filwaqt li jippreżentaw ċertifikat validu tal-vaċċin, se jkollhom l-obbligu li joqgħodu fi kwarantina għal sebat ijiem minflok għal għaxart ijiem.

Mill-14 ta’ Marzu, l-ilbies tal-maskri f’postijiet pubbliċi mhux se jibqa obbligatorju. Iżda f’każ ta’ mass events jew f’postijiet pubbliċi fuq ġewwa, l-ilbies  tal-maskri se jibqa meħtieġ.