Il-bżonn ta’ sistema nazzjonali ta’ trasport tal-massa qiegħed jiżdied b’mod urġenti, kif tixhed l-istatistika li ġiet ippublikata mill-NSO aktar kmieni llum li uriet li fit-toroq Maltin qed jiżdiedu medja ta’ 21 karozza kuljum.
Fi stqarrija l-PN, permezz tal-kelliem għat-trasport Toni Bezzina intqal li din l-informazzjoni qed tkompli turi kif il-proġetti ta’ twessiegħ ta’ toroq li għamel dan il-gvern Laburista fl-aħħar snin kienu frott ta’ viżjoni short-term ħafna. Kieku ż-żmien u l-flus li intefqu fl-aħħar snin fuq dawn il-proġetti kienu allokati fuq proġett maġġuri ta’ trasport tal-massa, kieku bdejna l-mixja sabiex nibdew nnaqqsu l-bżonn tal-vettura privata u nipprovdu alternattiva aħjar lin-nies. Iżda l-gvern ma għamel xejn minn dan, u għandna sitwazzjoni fejn in-nies m’għandhom l-ebda alternattiva vijabbli għall-vettura privata.
L-unika inizjattiva li ħa l-gvern f’dan ir-rigward kien l-famuż Malta Metro, proġett li l-gvern tant kemm ma jemminx fih li diġà warrbu u poġġih fuq l-ixkaffa. Saħansitra l-kumpanija li għamlet l-istudju ma temminx fih tant li infilsat klawżola li teżentaha minn kwalunkwe responsabbiltà għal dak li hemm miktub fir-rapport. Dan barra l-fatt li f’ dan ir-rapport hemm numru ta’ taxxi moħbija, li l-Gvern ħeba mill-poplu.
Jidher ċar li ma hemm l-ebda rieda minn naħa tal-gvern li jaħdem għal sistema ta’ trasport tal-massa u qed iħalli s-sitwazzjoni tiddeterjora, kif qed naraw mill-istatistika tal-lum.