Lokali Unjoni Ewropea

David Casa jikkundanna s-sospensjoni ta’ Editur

“Fl-irwol tiegħi bħala Ko-President tal-Grupp ta’ Ħidma għall-Midja tal-Parlament Ewropew, nixtieq nesprimi s-solidarjetà mas-Sur Victor Vella, l-Editur tal-gazzetta tal-General Workers Union. Jidher ċar li l-pressjoni tal-Gvern qed tilħaq livelli għolja saħansitra issa bis-sospensjoni tas-Sur Vella minn Editur”.

Huwa rrappurtat li s-Sur Vella jinsab sospiż minn xogħlu fuq akkużi li huma trivjali. Dan sar f’kuntest ta’ Gvern li għadu kemm ħatar kummissjoni ta’ esperti biex jiddefendi lill-ġurnalisti.

“Minkejja li ma naqblux politikament xorta waħda ħassejt li b’vuċi soda nitkellem pubblikament dwar id-deċiżjoni assurda tal-General Workers Union li tasal tissospendi lil wieħed minn tagħha. Jien se nkompli niddefendi lill-ġurnalisti Maltin u barranin madwar id-dinja,” insista l-MPE Casa.

Il-Parlament Ewropew dejjem kien fuq in-naħa tal-ġurnalisti biex jiddefendi l-libertà tal-istampa u jassigura l-protezzjoni tal-ġurnalisti.

“Din id-darba qed inkun jien bħala Membru Parlamentari Ewropew Malti li nsaħħaħ din il-konvinzjoni favur il-ġurnalisti Maltin”, sostna l-MPE David Casa.

Il-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Nazzjonalista David Casa jingħaqad ma’ għadd kbir ta’ Maltin inkluż tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) u l-għaqda PEN Malta f’kundanna għal din id-deċiżjoni.

“Nappella biex din id-deċiżjoni tal-General Workers Union tiġi irtirata u Vella jerġa’ jiddaħħal lura fil-pożizzjoni li kellu,” ikkonkluda Casa.