Colin Schembri
Kampjonat BOV Irġiel
Gżira Athleta 68
Depiro 71
(15-20)(16-17)(16-21)(21-13)
Gżira Athleta: Z. Hudson 25, S. Montague 15, F. Mifsud Bonnici 10, L. Stefanovic 3, I. Xuereb 8, S. Vincic, J. Ransley 2, R. Abela, B. Zammit 5.
Depiro: S. Galea 8, A. Attard, N. Grech 7, TJ Atwood 18, M. Brincat 3, M. Mallia, A. Sullivan 33, M. Baldacchino 2, M. Debattista, L. Vella.
Referees: Bernard Vassallo, Nicky Azzopardi, Zvezdan Dobrosaviljevic.
Depiro saru t-tielet team li kkwalifika għall-play-offs meta għelbu lil Gżira Athleta 71-68 bit-team tal-Athleta jibqa’ jissielet sal-aħħar tant li fl-aħħar sessjoni hum rkupraw żvantaġġ ta’ 14 -il punt u saħansitra marru fuq quddiem. Huma rkupraw lil Shaun Montague għalkemm mhux mija fil-mija però kellhom nieqsa lil żewġ pedini mportanti, Matthew Gouder sospiż u Nathan Xuereb imweġġa’. Depiro fetħu tajjeb kmieni fil-partita u marru 7-2 minn fuq bil-punti ta’ Avery Sullivan u trippla ta’ Sean Galea. Zachary Hudson wieġeb għall-Athleta biex poġġijhom 11-10 minn fuq però Depiro kellhom żewġ trippli minn TJ Atwood u Nicholas Grech biex temmew l-ewwel sessjoni 20-15 minn fuq. Fit-tieni taqsima, Depiro komplew ikabbru l-vantaġġ hekk kif bdew b’run qasira ta’ 8-2 b’aktar punti minn Sullivan li kellhu partita mill-aqwa. Ir-risposta tal-Athleta ma damitx biex waslet hekk kif huma għamlu run ta’ 10-2 bil-punti ta’ Montague u ż-żagħżugħ Isaac Xuereb. Wara li Francesco Mifsud Bonnici kompla jnaqqas id-distakk, Atwood għamel trippla oħra flimkien ma’ basket ta’ Miguel Mallia li raw lil Depiro jidħlu jistrieħu 37-31 minn fuq.
Wara l-intervall, iż-żewġ timijiet irrispondew lil xulxin speċjalment fl-ewwel minuti b’Miguel Brincat u Hudson jagħmlu trippla kull wieħed. Depiro mbagħad kellhom mument mill-aqwa fejn għamlu run ta’ 13-0 kważi kollha minn Sullivan li kellhu wkoll trippla biex eżatt qabel intemmet is-sessjoni, three pointer ta’ Luca Stefanovic ra lill-Athleta jnaqqsu d-distakk għal 11 -il punt 58-47. L-aħħar sessjoni fetħet b’basket minn Sullivan biex Depiro komplew iżidu d-distakk. Athleta però kellhom ħsibijiet oħra u grazzi għall-punti ta’ Mifsud Bonnici, Hudson u Xuereb għamlu run ta’ 8-0 u reġgħu daħlu fil-logħba. Basket ta’ Atwood u trippla ta’ Galea reġgħu taw ftit tan-nifs lil Depiro però r-rimonta tal-Athleta kompliet u basket ta’ Hudson poġġijhom fuq quddiem. Huma kellhom ċans li jieħdu r-rebħa però Montague tilef ħafna free-throws fil-waqt li n-naħa l-oħra Sullivan ma żbaljax biex Depiro ħarġu rebbieħa 71-68.
Starlites Naxxar 83
Hibernians 93
(23-17)(27-25)(19-21)(14-30)
Starlites: A. Felice Pace 2, I. Azzopardi, A. Azzopardi 6, I. Felice Pace 6, M. Fabri 10, L. Riolo 1, M. Scerri 10, J. Bates 26, L. Farrugia 2, K. Xuereb, J. Haynes 8, M. Thomas 12.
Hibs: M. Vires 24, N. Cassar, M. Vucinic, L. Farrugia 2, K. Dimech 7, A. Axiaq 5, R. Aquilina, M. Attard 9, C. Soderholm 37, I. Demcesen 9.
Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Ionut Ciurariu.
Jumejn wara li iltaqgħu fil-finali tas-shield, Starlites u Hibernians reġgħu iltaqgħu fit-tielet round tal-kampjonat u għal darb’oħra r-rebħa marret Raħal Ġdid fuq skor finali ta’ 93-83 biex Hibs baqgħu jittamaw li jispiċċaw l-ewwel fażi fl-ewwel post. Il-coach Paul Ferrante ta ħin lil diversi players żagħżagħ fosthom Adam Azzopardi, Miguel Fabri u Luca Riolo hekk kif Kurt Xuereb kien biss preżenti fuq il-bank. Għal Hibs kienu nieqsa David Bugeja u Peter Shoults. Bħal ma ġara f’kull partita bejn dawn iż-żewġ timijiet, kien hemm bilanċ għal ħin twil bil-partita tmur favur il-Pawlisti b’run deċisiva fl-aħħar sessjoni. Starlites fetħu tajjeb bil-punti ta’ Jacob Bates li kellhu wkoll trippla u marru 7-0 minn fuq. Hibs bdew jirrispondu wkoll permezz tal-Amerikani Mason Vires u Christian Soderholm li wkoll għamel trippla però Starlites baqgħu fuq quddiem wara three pointer ieħor ta’ Bates u l-punti ta’ Matthew Scerri u trippla ta’ Ian Felice Pace għal skor ta’ 23-17. Starlites fetħu t-tieni perjodu b’run ta’ 9-0 fosthom trippla ta’ Fabri biex marru 15 minn fuq 32-17. L-ewwel punti ta’ Hibs ġew minn trippla ta’ Anton Axiaq u huma komplew aktar ‘l quddiem bi break ta’ 10-0 b’żewġ three pointers minn Keith Dimech u Matthew Attard biex naqqsu d-distakk għal 3 punti 38-35. Il-baskets u t-trippli komplew ġejjin fuq iż-żewġ naħat b’Scerri jagħmel tnejn għal Starlites li daħlu jistrieħu 50-42 minn fuq.
Fil-ftuħ tat-tielet sessjoni, Starlites komplew jikkontrollaw il-partita speċjalment b’aktar trippli minn Bates u Scerri. Hibs kellhom rimonta wara seba’ punti mingħajr risposta bejn Soderholm u Luke Farrugia però qabel tmiem il-perjodu, ħames punti bi trippla minn Fabri ħallew lil Starlites fuq quddiem 69-63. Fl-aħħar taqsima, Hibs komplew jiġru wara l-avversarji u rnexxielhom jippareġjaw 71-71 wara t-three pointers ta’ Soderholm u Vires. Wara li Azzopardi u Myles Thomas poġġew lil Starlites minn fuq, Hibs tilfu lil Vires bit-tieni foul anti-sportiv u kien hemm ukoll foul tekniku fuq kull naħa hekk kif il-partita kompliet tkun missielta. Trippla ta’ Bates tat vantaġġ ta’ 6 punti lil Starlites però hawn waslet run ta’ 10-0 minn Hibs bil-punti ta’ Soderholm u Ivan Demcesen. Starlites ma rnexxielhomx jerġgħu jirkupraw u Hibs għalqu l-partita b’aktar punti minn Soderholm u Attard u ħadu r-rebħa fuq skor ta’ 93-83.
Bupa Luxol 92
Mellieħa Libertas 75
(28-20)(18-20)(23-15)(23-20)
Luxol: J. Cefai 2, P. Attard 2, JP Schembri 8, A. Trapani, L. Trapani, C. Coffey 46, S. Opojevlic 2, S. Cappello 9, W. Claiborne 23.
Mellieħa Libertas: M. Falzon 1, V. Jandric 2, N. Vasovic 5, I. Bonett, C. Briffa, M. Seldon 30, M. Azzopardi 11, CJ Cordina 4, N. Sultana, A. Wrighten 22.
Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Ionut Ciurariu, Florentina Ciurariu.
It-tamiet ta’ Bupa Luxol li jaslu fil-playoffs għadhom hemm hekk kif huma kisbu rebħa mportanti konta Mellieħa Libertas 92-75 bil-Mellieħa però xorta jibqgħu b’żewġ rebħiet fuqhom bi tlett partiti għat-tmiem l-istaġun regolari. Iż-żewġ timijiet kellhom player regolari nieqes, Luxol kienu mingħajr Marco Matijevic fil-waqt lil Mellieħa kellhom sospiż lil Nenad Bukva. Mellieħa ma setgħux isibu tarf ta’ Canaan Coffey li spiċċa l-partita b’46 punt fil-waqt li William Claiborne kien iktar ikkontrollat hekk kif beda jsib diffikulta jilgħab taħt il-board. Kien Coffey li fetaħ il-partita bl-ewwel trippla minn total ta’ sebgħa li għamel tul il-logħba kollha. Mellieħa wieġbu b’seba’ punti mingħajr risposta kważi kollha mill-Amerikan Malik Seldon. Waslu wkoll il-punti ta’ Austin Wrighten li ħalla lil Mellieħa 15-10 minn fuq sa’ nofs l-ewwel taqsima. Luxol irkupraw u għamlu run ta’ 15-3 fejn minbarra t-trippli ta’ Coffey, kien hemm ukoll waħda minn Stefan Cappello flimkien ma’ Claiborne biex fi tmiem is-sessjoni huma fetħu vantaġġ ta’ 8 punti 28-20. Fit-tieni perjodu, Mellieħa resqu viċin meta kellhom tlett three pointers minn Wrighten, Nik Vasovic u CJ Cordina. Ir-risposta tal-Luxol ġiet fost l-oħrajn b’run ta’ 8-0 li reġgħat tathom vantaġġ b’figuri doppji 46-34. Iżda qabel intemmet is-sessjoni, Mellieħa għamlu sitt punti mingħajr risposta biex naqqsu d-distakk 40-46.
Wara l-inervall, Mellieħa komplew jagħfsu u trippla ta’ Mirco Azzopardi wasslithom sa’ punt ‘l bogħod 51-52. Luxol ħarġu minn dan il-mument diffiċli b’run qawwija ta’ 14-2 fejn kellhom it-trippli ta’ Jean Paul Schembri flimkien ma’ Coffey, Cappello u Claiborne għal skor ta’ 69-55. Fl-aħħar taqsima l-vantaġġ ta’ Luxol baqa’ kostanti fejn huma rrispondew għal kull basket li qalgħu u Mellieħa ma rnexxielhom jersqu viċin biżżejjed biex jergħu jiftħu l-partita. Adrian Mifsud għajjat time-out biex jipprova l-aħħar affarijier però Luxol komplew iżidu l-vantaġġ hekk kif ħarġu rebbieħa 92-75.
//= $special ?>