Ekonomija Kummerċ Lokali

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jbassar sena diffiċli għall-konsumaturi, b’aktar żidiet fil-prezzijiet

"...lejn prezzijiet ogħla minn dak previst għax-xhur li ġejjin"

Rapport maħruġ illum mill-Bank Ċentrali ta’ Malta juri li fl-2022 ir-rata ta’ inflazzjoni – u allura l-għoli tal-ħajja – se tlaħħaq it-2.7 fil-mija. Dan ifisser rata ogħla mis-sena li għaddiet, u ferm ogħla minn dak li huwa imbassar sal-2024.

Għalkemm il-Bank Ċentrali qed ibassar tkabbir ekonomiku, hemm stampa anqas sabiħa meta janalizza l-inflazzjoni.

Ir-rapport jgħid b’mod ċar li r-riskji jxaqilbu lejn prezzijiet ogħla minn dak previst għax-xhur li ġejjin. B’mod partikolari, jekk l-ostakli fil-provvista u l-iżbilanċi bejn id-domanda u l-provvista jippersistu, aktar negozji jistgħu jiġu kostretti biex jgħollu l-prezzijiet. U dan jista’ jikkawża wkoll f’talbiet għal pagi ogħla.

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jgħid ukoll li r-riskji għall-finanzi pubbliċi huma l-iktar ikkonċentrati fl-2022 u jistgħu jwasslu għal defiċit akbar.

B’mod partikolari, dawn ir-riskji huma relatati mal-probabbiltà ta’ sostenn addizzjonali għall-miżuri relatati mal-COVID-19 u l-impatt tar-ristrutturar tal-Air Malta fuq il-probabbiltà ta’ għajnuna mill-Istat lil-linja tal-ajru.