Lokali Qorti

Il-Brigadier jgħid li ma keċċiex suldat fuq ċajta dwar xatba imma minħabba sewqan perikoluż u l-passat tiegħu

Il-Brigadier tal-Forzi Armati ta’ Malta Jeffrey Curmi qal fil-Qorti li huwa ma keċċiex suldat fir-rank ta’ Bombardier mill-armata fl-2018 għaliex kien qed jiċċajta fuq xatba li tinsab fir-ranges ta’ Permbroke. Imma ħa d-deċiżjoni ta’ tkeċċija fuq sewqan perikoluż u l-passat ta’ Godwin Schembri li sa mill-2003 kien ingħata diversi twissijiet u qatt ma rabba l-għaqal.

Jeffrey Curmi wieġeb għad-domandi tal-Avukat Marion Camilleri fuq it-tkeċċija ta’ Godwin Schembri li fl-2018 mill-armata wara li tella’ filmat fuq il-mobile tiegħu fuq xatba nstallata fix-shooting range ta’ Pembroke, u dan wara li huwa kien għadda xi kummenti dwarha.

Quddiem l-Imħallef Francesco Depasquale kompliet tinstema’ l-kawża li kien fetaħ Schembri kontra l-Brigadier u l-Armata. Fil-filmat huwa kien qed jidher jiċċajta fuq il-kanċell “żlugat” tax-xatba, liema filmat spiċċa fuq il-midja soċjali. Il-Bombardier Schembri beda proċeduri fil-Qorti, l-ewwel permezz ta’ protest fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fejn qed jallega li d-deċiżjoni tal-Kmandant tal-AFM li jkeċċih kienet irraġonevoli u diskriminatorja.

Permezz tal-Avukati tiegħu huwa qed jitlob li jingħata lura x-xogħol tiegħu. Il-filmat li kien ġie leaked u sar virali fuq il-midja soċjali juri l-kanċell ġdid tax-xatba jiċċaqlaq u li ma kellu l-ebda ‘boundary wall’ imqabbad miegħu. Il-Kmandant tal-Forzi Armati qal li Schembru ma ried jitgħallem qatt u saħansitra spiċċa anke l-Qorti akkużat b’sewqan perikoluż.

Tenna li minkejja li fil-filmat li ttella’ huwa waqqa għaż-żuffjet lilu u lill-armata ma kinitx din ir-raġuni li wasslet għat-tkeċċija tiegħu. Qal li kien qed isuq bi traskuraġni f’post fejn hemm skola u faċilitajiet sportivi. Qal ukoll li r-raġuni li wasslitu biex ikeċċi lil Schembri kien l-atteġġament tiegħu u l-kondotta tiegħu li anke ċċappset fil-Qrati.

Ix-xhud qal li kien hemm każijiet ta’ sewqan meta l-lights kienu ħomor u sewqan bil-kontra tad-direzzjoni tat-traffiku. Kien hemm jaż ukoll fejn uża pepper spray fuq tliet persuni u każ ieħor meta mbotta immigrant li kien fost oħrajn li kienu se jiġu deportiti minn Malta, fost kliem ieħor li ma jixtraqlux.

Curmi qal li huwa sar Briagdier tal-Forzi Armati f’Diċembru tal-2013 u huwa biss għandu d-dritt li jkeċċi suldat, imma l-warnings mhux hu joħroġhom. Fuq aktar mistoqsijiet tad-difiża huwa qal li l-armata timxi skont il-liġi, f’kelam waħda skont l-att dwar l-armata.

Ix-xhud qal li fl-2015 Schembri kien ġie nfurmat li dan kien l-aħħar ċans tiegħu, u dan iċ-ċans ma ħadux. “Li kieku huwa naqas fil-bidu ta’ meta daħal fl-armata u għamel diversi żbalji, kieku forsi vera wieħed kien jimxi miegħu b’mod differenti, imma dan baqa’ għaddej bl-istess storja ta’ nuqqasijiet tul dan iż-żmien kollu, li jfisser li ma jridx jirriforma ruħu,” qal ix-xhud.

Schembri, kien qed isuq Jeep tal-armata b’suldati sħabu abbord, u hekk kif kien ħiereġ mill-‘shooting ranges’ ta’ Pembroke u dar mal-grada dritt għal lejn it-triq, ikkummenta wkoll kif l-armata ta’ spiss tirrifjuta lis-suldati provvisti tal-ħwejjeġ iżda mbagħad nefqet l-eluf fuq xatba nofs kedda.

Il-filmat ma kienx maħsub għall-konsum pubbliku, qed isostni Schembri. Agħar minn hekk, Schembri qed jagħid li kien qed jiġi kkastigat darbtejn għall-istess reat, wara li l-ewwel ġie dixxiplinat internament u wara tkeċċa. L-avukati qed argumentaw li l-Kmandant tal-AFM il-Brigadier Jeffrey Curmi kien kiser il-prinċipju ta’ smigħ ġust billi ddeċieda, li jiddixxiplina lil Schembri.

Kif il-Brigadier immaniġġa s-sitwazzjoni “ċertament jaqa’ fil-parametri għar-reviżjoni ġudizzjarja taħt l-Artikolu 469A tal-Kapitolu 12,” qed jgħdu l-avukati. Schembri qed jitlob lill-Qorti bex tordna biex tinbidel id-deċiżjoni tal-Brigadier li jtemm l-impjieg ta’ Schembri jew jinżamm responsabbli għad-danni.

Meta seħħ dan il-każ kien twaqqaf ukoll grupp ta’ Facebook f’turija ta’ solidarjetà għas-suldat minħabba sempliċi filmat umoristiku fuq il-mobile. Is-suldat diġa xehed fil-każ tiegħu u wera d-diżappunt tiegħu għaliex ħa pożizzjoni li saret xatba mingħajr ma nbena ċint għas-support tagħha, u għalhekk din saret għalxejn.

Schembri kien xehed li wara t-tkeċċija tiegħu, huwa ma kienx immedjatament ressaq l-ilmenti tiegħu l-Qorti. L-ewwel kien ħa l-kwistjoni ma’ l-eks ministru tal-intern Michael Farrugia, iżda kien kollu għalxejn. “Imbagħad mort fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Alla ħares kieku kelli ngħidlek ma’ min tkellimt.

“Dawwarni, uqalli biex nippreżenta kawża fil-qorti,” qal. Wara dan, is-suldat qal li kien irrikorra lejn il-president, “b’mara tqila taʼ sebaʼ xhur tibki,” imma kulma qalli kien, “Ma nistaʼ nagħmel xejn.” Schembri, li ddeskriva lilu nnifsu bħala “persuna dixxiplinata ħafna,” kien inkarigat mill-gwardji presidenzjali ċerimonjali.

Kien qal ukoll li ma setax jifhem kif ġie ppubblikat dak il-filmat, u saħaq li qatt ma awtorizza li l-filmat jixxandat ma’ erba’ t’irjieħ tad-dinja. L-avukati Joseph Giglio, Marion Camilleri u Mario Spiteri qed jassistu lis-suldat. Il-każ ikompli f’Mejju li ġej.

Open in Google TranslateFeedback