Basketball Sport

Il-klassifika tkompli tiqsar u kulħadd jibqa’ biċ-ċans

Colin Schembri

Kampjonat Mapfre MSV Life Nisa

Starlites Naxxar 62

ARMS Depiro 43

(17-6)(17-9)(17-15)(11-13)

Starlites: M. Zammit Cordina, M. Riolo 5, A. Saliba, S. Farrugia, M. Bonett 6, S. De Martino 22, K. Portelli 2, A. Simmons 25, M. Fenech 2, C. Vella, S. Davies 2, C. Curmi.

ARMS Depiro: C. Fenech 4, M. Caruana 6, Ni. Agius 2, J. Xerri 6, J. Mallia, No. Agius, Ciantar 7, N. Borg 6, D. Galea 12, A. Mallia, E. Cassar.

Referees: Florentina Ciurariu, Fanni Fabok, Nicky Azzopardi

Il-klassifika tal-kampjonat kompliet tiqsar biż-żewġ riżultati tal-partiti li raw il-bidu tal-ħames round. Fl-ewwel waħda Starlites Naxxar għelbu lil ARMS Depiro 62-43 biex issa telgħu fit-tieni post, rebħa biss taħt il-leaders Hibernians. Depiro għadhom mingħajr l-Amerikana Hannah Johnson u issa jridu jinsabu biss rebħa fuq Luxol. Kollox għadu miftuħ hekk kif għad fadal ftit partiti għat-tmiem tal-ewwel fażi. Huma biss l-ewwel tlett timijiet li se jagħmlu l-fażi tal-playoffs bit-team li jispiċċa fl-ewwel post ikun garantit minn post fil-finali għar-rebħ tal-kampjonat. Wara basket inizzjali minn Julia Xerri għal Depiro, Starlites kellhom risposta minn Amelia Simmons u trippla ta’ Steffi De Martino fost l-oħrajn. Depiro kellhom baskets oħra minn Xerri u Nicole Agius bi Starlites jagħmlu sitt punti oħra biex għalqu l-ewwel sessjoni 17-6 minn fuq. L-andament tal-partita baqa’ l-istess fit-tieni perjodu fejn fost l-oħrajn kien hemm run ta’ 9-2 minn Starlites fejn ma’ ta Simmons, żdiedu wkoll il-punti minn Kay Portelli, Maria Bonett u Mikela Riolo. Għal Depiro kien hemm risposta minn Celine Fenech fl-ewwel dehra tagħha fl-ewwel diviżjoni flimkien ma’ trippla ta’ Monique Caruana għal skor ta’ 34-15.

Fit-tielet sessjoni, Starlites bdew b’run oħra ta’ 9-2 kollha minn De Martino u Simmons fil-waqt li daħlet tilgħab għall-ewwel darba Michela Zammit Cordina. De Martino kompliet b’żewġ trippli għalkemm Depiro tejjbu l-punteġġ tagħhom wara baskets minn Claire Ciantar, Neve Borg u Danika Galea. Fil-fatt dawn tal-aħħar għamlu l-aħħar tlett baskets tagħhom għal skor ta’ 51-30. L-aħħar taqsima fetħet bi trippla fuq kull naħa għalkemm il-punteġġ naqas hekk kif iż-żewġ coaches daħlu jilgħabu diversi players żgħażagħ u Starlites baqgħu jikkontrollaw sat-tmiem u ħarġu rebbieħa 62-43.

Hibernians 47

Caffè Moak Luxol 83

(8-31)(6-15)(15-18)(18-19)

Hibernians: J. Spiteri, Y. Bonett 10, C. Camilleri 2, K. Jenkins 15, N. Farrugia 2, K. Caruana 10, J. Dabic 6, K. Conti 2, J. Gauchi.

Caffè Moak Luxol: L. Fenech Pace 10, V. Selvaggi, S. Pace 9, M. Mercieca 11, F. Camilleri, H. Galea, P. Marcal 27, A. Borg, P. Ellul 6, M. Camilleri 2, J. Diaby 18.

Referees: Daniela Torok, Zvezdan Dobrosaviljevic, Iounut Ciurariu.

Caffè Moak Luxol kisbu rebħa mportanti kontra Hibernians fejn approfittaw ruħhom minn nuqqas ta’ diversi players ta’ Hibs fejn kienu wkoll mingħajr Ashleigh Van Vliet u Jasmine Abela bil-coach Norbert Borg jagħti d-debutt lil diversi players żgħażagħ bħal Justine Spiteri, Kelly Conti, Julia Gauchi u Juilja Dabic. Minn naħa l-oħra Luxol kellhom lill-Brażiljana Palmira Marcal f’ġurnata ta’ grazzja fejn għamlet xejn anqas minn disa’ three pointers. Wara l-ewwel basket ta’ Hibs minn Kenyotta Jenkins, Luxol kellhom run qawwija ta’ 24-0 li prattikament iddeċidiet il-partita sa’ mill-ewwel minuti tagħjha. Fost l-oħrajn huma kellhom erba’ trippli ta’ Marcal fosthom tlieta wara xulxin flimkien mal-punti ta’ Josephine Diaby, Sarah Pace u Mandi Mercieca.

Finalment Hibs reġgħu sabu l-basket mill-ġdid permezz ta’ Jenkins qabel ma Luxol għalqu s-sessjoni b’run ta’ 7-2 għal skor ta’ 31-8. Fit-tieni perjodu Hibs kellhom il-punti ta’ Kirsty Caruana li wkoll għamlet trippla però t-three pointers tal-Luxol komplew ġejjin minn Pace u tnejn oħra ta’ Marcal biex fl-intervall il-players ta’ Santini Coppa kienu 46-14 minn fuq. It-tielet taqsima kienet l-aktar waħda bilanċjata bil-Hibs isibu l-basket b’aktar frekwenza u Luxol jirrispondu mill-ġdid bit-trippli ta’ Marcal flimkien ma’ Diaby u Paula Ellul. Lejn tmiem it-taqsima ż-żewġ timijiet kellhom runs ta’ 6-0 għal skor ta’ 64-29. L-aħħar sessjoni kienet biss formalita u serviet l-aktar biex id-debuttanti tal-Hibs jieħdu minuti fuq il-court. Fost l-oħrajn kien hemm tlett baskets ta’ Dabic fil-waqt li Lisa Fenech Pace kellha 8 punti għall-vjola. Il-partita ntemmet b’żewġ baskets fuq kull naħa hekk kif Luxol ħadu r-rebħa fuq skor ta’ 83-47.