Internazzjonali

Il-Mali: Se jitilqu t-truppi ta’ Franza u l-alleati wara disa’ snin

Franza u l-alleati li għandhom is-suldati ma’ Task Force Ewropew qed jirtiraw lit-truppi tagħhom mill-Mali wara kważi għaxar snin.

Is-suldati ilhom jikkumbattu lill-militanti Iżlamiċi f’dan il-pajjiż Afrikan mill-2013 – bil-President Franċiż, Emmanuel Macron, itenni li d-deċiżjoni għall-irtirar ittieħdet fost problemi kbar għar-relazzjonijiet diplomatiċi u fost sinjali akbar ta’ ostilità mill-Ġunta militari li qed tmexxi lill-Mali.

Ingħad li l-qawwiet ta’ Franza u l-alleati, fil-jiem li jmiss, se jkunu stazzjonati fi bnadi oħra tar-reġjun Afrikan ta’ Sahel.

Sadanittant, Emmanuel Macron qed jirrifjuta li l-irtirar għandu jitqies bħala ‘ammissjoni ta’ falliment’, bil-President Franċiż jisħaq li Franza għadha impenjata biex tiġġieled kontra l-militanti Iżlamiċi fir-reġjun. Ingħad ukoll li l-awtoritajiet fin-Niġer, issa, qablu, biex ‘iżommu’ uħud fost il-qawwiet li qed jirtiraw mill-Mali.

L-irtirar ippjanat mistenni jsir fuq perjodu bejn erba’ u sitt xhur u meta l-pjan kien konkluż waqt laqgħa fil-Palazz Elysee ta’ Pariġi,  fejn attendew diversi mexxejja tal-Ewropa u l-Afrika.