Sforz biex il-proċess fil-kawża li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista kontra l-PBS u l-Awtorità tax-Xandir jieħu aktar fit-tul ma ġiex milqugħ mill-Imħallef Grazio Mercieca, li ddeċieda li l-każ irid jibda’ jinstema fil-konfront tal-partijiet kollha fl-4 ta’ Marzu li ġej.
Il-kawża Kostituzzjonali li qed issir ukoll kontra l-Ministru Carmelo Abela responsabbli mix-xandir nazzjonali u l-Avukat tal-Istat se ssir sabiex kulħadd jerfa’ r-responsabbiltà ta’ għemilu u biex ikun żgurat li l-iżbilanċ fix-xandir tal-istat ma jibqax għaddej.
Hekk kif illum il-partijiet kellhom jiftehmu dwar kif se jibdew jinstemgħu l-provi l-Avukati tal-partijiet li jridu jwieġbu fuq dak li qed jgħid il-PN qalu li l-Qorti m’għandhiex tibda tisma’ l-provi minħabba li inizzjalment ma ġietx ippreżentata ittra uffiċjali dwar il-każ, u għaldaqstant il-każ għandu jieqaf hawn.
L-Avukati Francis Zammit Dimech u Paul Borg Olivier f’isem il-PN qalu li skont il-liġi f’kawża li hija waħda kostituzzjonali u li l-Qorti stess qablet li għandha tinstema’ b’urġenza, hija tista’ tagħżel li tibda tisma’ mill-ewwel il-provi. Dwar dan l-Avukati tal-PN ikkwotaw każijiet oħra fejn il-Qorti mxiet b’dan il-mod u mill-ewwel marret biex tisma’ l-provi.
Punt ieħor li tqajjem mill-partijiet li kontrihom qed issir il-kawża hija waħda ‘mista’ jiġifieri kawża li hija taħlita ta’ liġi amministrattiva u dik kostituzzjonali. Punti oħra kienu li l-Ministru Carmelo Abela u l-Avukat tal-Istat ma jkunux jagħmlu parti mill-kawża. L-Avukat Chris Cilia f’isem il-Ministru Abela qal li l-klijent tiegħu huwa biss responsabbli mill-għoti tal-liċenzja u xejn aktar, filwaqt li l-Avukat tal-Istat Chris Soler qal li lanaqas hu m’għandu jkun parti mill-kawża.
Il-Qorti hawn u fuq kull punt tagħat raġun lill-Partit Nazzjonalista, fis-sens li hija ma trid tibda tisma’ l-provi kollha bil-partijiet kollha nvoluti fil-każ’. L-Avukati Borg Olivier u Zammit Dimech tkellmu dwar l-importanza li l-każ jibda jinstema’ peress li ninsabu fuq l-għatba ta’ elezzjoni ġenerali.
Semmew ukoll il-fatt kif l-Awtorità tax-Xandir minkejja li tagħti ordni lill-PBS biex jagħtu r-‘right of reply’ lil PN fuq aħbar, ix-xandir tal-istat jiddeċedi biex ixandarha xahrejn wara jew adirittura jitfa’ l-aħbar bejn ħemel ta’ propoganda favur il-Gvern.
Dwar il-fatt li l-Ministru m’għandux ikun bħala parti mill-kawża l-PN ma qabilx u jridu joħorġu provi fis-sens dwar reklamar fuq ix-xandir u min qed jahgħti d-direzzjoni. L-Avukat tal-PN hawn qalu li l-Qorti Kostituzzjonali għandha tisma’ l-provi kollha u tiddeċiedi kollox hi fuq min huwa responsabbli jew le dwar il-materja ta’ żbilanċ.
Finalment wara diversi battibekki legali bejn il-partijiet il-Qorti qalet li trid tisma’ l-provi kollha. Kien hemm diffikultà biex tinstab data għal meta jibdew jinstemgħu l-provi, bid-data msemmija mill-Qorti jiġu mibdula diversi drabi fosthom minħabba li l-Ministru Abela se jkun msiefer, l-Avukat tal-Istat jinsab impenjat u diffikultajiet oħra. Finalment ġie deċiż biex il-kawża tinstema’ nhar il-Ġimgħa 4 ta’ Marzu fl-10.30am,
Għal PN deheru l-Avukati Paul Borg Olivier u Francis Zammit Dimech, għall-PBS deher l-Avukat Mark Vassallo, għall-Awtorità tax-Xandir deher il-Professur Ian Refalo u għall-Ministru Carmelo Abela deher l-Avukat Chris Cilia.
//= $special ?>