Wara li l-qorti laqgħet it-talba tal-Partit Nazzjonalista biex il-kawża kostituzzjonali li nfetħet fil-ġranet li għaddew tinstema’ b’urġenza din għandha tibda tinstema’ llum wara nofs-inhar quddiem l-Imħallef Grazio Mercieca. Il-Qorti kienet diġa ordnat lill-PBS, l-Awtoritá tax-Xandir, lill-Ministru Carmelo Abela u anke lill-Avukat tal-Istat sabiex iwieġbu għal din il-kawża fi żmien sitt ijiem. Huwa mifhum li din ir-risposta saret.
Il-Partit Nazzjonalista qed jitlob sabiex kulħadd jerfa’ r-responsabbiltà ta’ għemilu u biex ikun żgurat li l-iżbilanċ fix-xandir tal-istat ma jibqax għaddej. Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jisħaq fuq il-bilanċ u l-imparzjalità fuq ix-xandir, b’mod partikolari fuq ix-xandir nazzjonali mħallas mill-poplu.
Il-PN ilu xhur sħaħ jipprova jasal biex l-Awtorità tax-Xandir u l-PBS jieħdu l-azzjoni meħtieġa fil-konfront ta’ dan l-iżbilanċ u għaldaqstant il-Partit ma kellux alternattiva ħlief li jieħu passi legali biex iħares id-drittijiet tal-Oppożizzjoni u tal-poplu Malti li jistħoqqlu xandir u messaġġ bilanċjat.
Fil-każ tiegħu, il-PN qed jitlob għal imparzjalità akbar fix-xandir tal-istat, u qed jargumenta li ilu jsofri żbilanċ politiku fil-kopertura tal-aħbarijiet tal-PBS. Ir-rikors, kien iffirmat mis-Segretarju Ġenerali tal-PN Michael Piccinino kif ukoll mill-avukati Paul Borg Olivier u Francis Zammit Dimech, li t-tnejn li huma qabel kienu segretarji ġenerali tal-PN.
David Agius, il-Viċi Kap tal-Partit għall-Affarijiet Parlamentari, kien sostna li x-xandar tal-istat sar “infiltrat għal kollox” mill-propaganda Laburista u ma baqax joffri fehmiet bilanċjati dwar kwistjonijiet ta’ importanza nazzjonali. David Agius kien qal ukoll li fl-aħħar xhur u ġimgħat, il-Partit Nazzjonalista għamel bosta tentattivi, inkluż b’konferenzi tal-aħbarijiet u saħansitra bi żjara tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech lill-Awtorità tax-Xandir.
Dan biex jiġbed l-attenzjoni tal-Awtorità u tal-PBS dwar il-propaganda Laburista kontinwa u l-iżbilanċ sfaċċat fuq ix-xandir nazzjonali. “Minkejja dan kollu, matul l-aħħar xhur is-sitwazzjoni ma nbidlitx, u bilkemm ma marritx għall-agħar, il-bumbardament ta’ propaganda u x-xita ta’ riklami favur il-gvern komplew jiżdiedu b’mod partikolari fil-ġimgħat tal-baġit u fl-aħħar ġimgħat lejliet elezzjoni ġenerali.”
Hu kompla jgħid li għalkemm il-Partit Nazzjonalista pprotesta dwar dan u ngħata rimedju mill-Awtorità tax-Xandir biex iwassal il-messaġġ tiegħu għal ftit minuti, “il-klikka ta’ Robert Abela fil-PBS xorta sfidat id-deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir u bdiet turi l-messaġġ tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista bejn żewġ riklami tal-gvern imħallsin mill-flus tal-poplu.”
Is-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino ukoll fakkar li, “l-PN ilu xhur sħaħ jipprova jasal biex l-Awtorità tax-Xandir u l-PBS jieħdu l-azzjoni meħtieġa fil-konfront ta’ dan l-iżbilanċ u għaldaqstant il-Partit ma kellux alternattiva ħlief li jieħu passi legali biex iħares id-drittijiet umani tal-Oppożizzjoni u tal-poplu Malti li jistħoqqlu xandir u messaġġ bilanċjat.”
//= $special ?>