L-Iskalin għadhom bil-mannara tal-marina fuq rashom.
Wara xhur sħaħ jappellaw kontra l-marina – il-Gvern ta’ Robert Abela għadu qed jistina rasu milli jikkommetti ruħu biex jgħid jekk il-marina hux se tkun qed issir jew le. Ir-residenti ta’ Wied il-Għajn għamluha ċara għal aktar minn darba li l-maġġorparti tagħhom ma jriduhiex għax iridu jgawdu l-bajja u mhux iċaħduha minn uliedhom.
Erbat ijiem biss wara protesta tal-Iskalin u r-residenti tal-inħawi, fejn appellaw li s-silenzju hu tradiment fil-konfront tagħhom, NET News staqsa lid-Deputat Parlamentari Laburista u ħabib ta’ Robert Abela, Andy Ellul – li se jkun qiegħed joħroġ fuq id-distrett ta’ Marsaskala fl-Elezzjoni Ġenerali li jmiss – dwar jekk il-proġett tal-Marina hux se jkunu qed iwaqfuh.
Madankollu, Ellul ma ħassx li kellu jwieġeb u minflok, farfarha fuq il-Prim Ministru.
Minkejja li l-Iskalin għamluha ċara biżżejjed li ma jridux din il-marina, Andy Ellul insista li l-Gvern tal-Labour għadu qed jismagħhom.
Dan ifisser li d-diversi appelli u protesti taċ-ċittadini donnhom m’humiex biżżejjed għall-Gvern tal-Labour, minkejja li kemm-il darba saħqu li l-Bajja ta’ Marsaskala tagħtihom ftit nifs u ma jixtiequ bl-ebda mod li jiġu mċaħħda mill-għawm u passiġġati max-xatt.
Iżda jidher li s’issa Robert Abela għadu qed jistina rasu u jibqa jinjora l-karba tar-residenti.
//= $special ?>