Lokali

Jinbiddlu d-distretti li tagħhom huma responsabbli l-għases tal-Pulizija

Ritratt: Arkivji
Il-PN ilu għal dawn l-aħħar snin jitlob biex isiru l-emendi meħtieġa biex jgħinu fit-tisħiħ tas-servizz tal-Pulizija fil-komunità

F’korrispondenza sar magħruf li daħlu fis-seħħ l-emendi dwar id-distretti tal-Pulizija biex ikunu jirrifletti l-fruntieri tal-Kunsilli Lokali. Dan sar wara insistenza li kienet saret mill-Partit Nazzjonalista, kemm mill-Whip tal-Grupp Parlamentari Robert Cutajar, kif ukoll mid-deputat Karl Gouder u minn għadd ta’ Kunsili Lokali u Kunsilliera li tkellmu dwar dan.

Infatti issa hemm żewġ reġjuni, ilkoll b’sitt distretti.

Fir-reġjun A, hemm l-Ewwel Distrett tal-Pulizija li jinkludi l-Belt Valletta u l-Floriana. It-Tieni Distrett, il-Ħamrun, Santa Venera, Tal-Pietà u l-Marsa. It-Tielet Distrett, Raħal Ġdid, il-Fgura, Santa Luċija, Ħal Tarxien u Ħal Luqa. Ir-Raba’ Distrett, il-Kottonera, il-Kalkara, ix-Xgħajra, Ħaż-Żabbar u Marsaskala. Il-Ħames Distrett, iż-Żejtun, Birżebbuġa, Marsaxlokk, il-Gudja, Ħal Għaxaq, L-Imqabba, Ħal Kirkop u Ħal Safi. Is-Sitt Distrett, Ħal Qormi, Ħaż-Żebbuġ, is-Siġġiewi, Iż-Żurrieq u l-Qrendi.

Reġjun B jinkludi d-distretti bejn is-seba’ u t-tnax. Is-Seba Distrett jilqa’ fi ħdanu lil Tas-Sliema, il-Gżira, Ta’ Xbiex u l-Imsida. It-Tmien Distrett, San Ġiljan, Pembroke, is-Swieqi u San Ġwann. Id-Disa’ distrett, Birkirkara, Ħal Balzan, Ħal Lija, Ħ’Attard, l-Iklin, in-Naxxar u l-Għargħur. L-Għaxar Distrett, il-Mosta, l-Imġarr, ir-Rabat, Ħad-Dingli, l-Imdina u l-Imtarfa. Il-Ħdax-il Distrett, San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa filwaqt li t-Tnax-il Distrett jinkludi Għawdex.

Il-PN fl-aħħar snin preżenta għadd ta’ proposti b’tisħiħ fis-sigurtà fil-komunitajiet tagħna, inkluż din il-proposta, iżda wkoll ir-riforma li jkunu introdotti il-pulizija fil-komunità u kif ukoll biex ikun hawn introduzzjoni tar-rangers biex jiżdied il-ħarsien tal-imsaġar u zoni oħra protetti.