Internazzjonali Lokali

Renju Unit: Titneħħa skema għall-visas lill-barranin sinjuri bħala pass kontra l-korruzzjoni

Il-Gvern Britanniku mifhum li qed jirtira skema li ‘tiggarantixxi malajr’ il-visas lill-investituri barranin fir-Renju Unit, fost pressjoni dwar ir-rabtiet tal-pajjiż mar-Russja. Dan il-pass, sadanittant, jirrifletti n-nuqqas ta’ azzjoni mill-Gvern Malti, biex jirtira l-bejgħ tal-passaporti bħala proċess li jiftaħ beraħ għall-abbużi u l-korruzzjoni.

Intant, il-proċess għal ‘fast tracking’ tal-visas qed ikun suġġett għal skrutinju partikulari mill-awtoritajiet Britanniċi. Dan meta l-Home Office f’Londra għamilha ċara li ‘kien diġà irriforma l-iskema’ bil-ħsieb li din ma tintużax biex tiffaċilita l-korruzzjoni — u meta ‘il quddiem mistennija jerġa’ aktar riformi fl-iskema tal-visas tar-Renju Unit.

Sorsi qrib il-Gvern Britanniku qal li l-ġimgħa d-dieħla għandha toħroġ ‘aħbar formali’ dwar il-visas għall-investituri fuq l-iskala ta’ ‘Tier 1’ u li toffri residenza fir-Renju Unit lill-barranin li jonfqu talanqas żewġ miljun Sterlina.

L-iskema kienet introdotta fl-2008 bil-għan li tinkoraġġixxi lill-barranin sinjuri biex jinvestu fir-Renju Unit. Madankollu, l-iskema ilha żmien taħt analiżi fost tħassib li din qed tiffaċilità l-qerq u diversi tipi ta’ aġir korrott, minbarra li tippermetti għal ‘proġetti kriminali;’.

L-aħħar inizjattiva, intant, qed tittieħed fost il-pressjoni fuq il-Ministri Britanniċi biex jaqtgħu ‘il-konnessjoni’ ta’ pajjiżhom mar-Russja u waqt it-theddid konsistenti ta’ aggressjoni militari mir-Russi kontra l-Ukrajna.

L-iskema tal-visa ‘Tier 1’ għall-investituri hi anki magħrufa bħala ‘golden visa’ u minbarra li toffri r-residenza fir-Renju Unit lill-barranin li jinvestu żewġ miljun Sterlina jew aktar, tippermetti biex il-familji ta’ dawn il-barranin ukoll jingħataw residenza fil-pajjiż. Il-barranin fil-pussess ta’dawn il-visas imbagħad jistgħu japplikaw għal residenza permanenti fir-Renju Unit – bil-proċess għal residenza, is-soltu, ‘jitħaffef skont l-ammont ta’ flus investiti (fil-pajjiż speċifiku)’.