L-iżviluppi xokkanti li seħħew fl-aħħar sigħat fil-qrati ta’ pajjiżna, jikkonfermaw illi l-Gvern ta’ Robert Abela huwa għodda f’idejn il-kriminali u ta’ theddida għas-sigurtà ta’ kull persuna.
Il-PN qal li dak li ġara fil-Qorti llum fejn kien hemm żvolta importanti fil-każ tal-attentat hold-up li kien seħħ fuq il-Bank HSBC fl-2010, hekk kif illum fil-Qorti, Darren Dabono magħruf bħala “it-Topo” rrifjuta li jsemmi min kienu l-persuni kompliċi miegħu f’dan il-kaz serjissimu; każ li fih kienu gew sparati tiri lejn il-Pulizija. hija sitwazzjoni gravi, xi ħaġa li l-Partit Nazzjonalista diġà wissa dwarha fil-ġimgħat li għaddew.
Minn Jannar sal-lum l-Avukat Ġenerali ma tat l-ebda spjegazzjoni għad-deċiżjoni li kienet ħadet u li wasslet għas-sitwazzjoni li għandna llum. Infakkru li l-Avukat Ġenerali waqqgħet l-akkużi ta’ attentat ta’ omiċidiju fuq membri tal-Korp tal-Pulizija, fil-konfront ta’ kriminali magħruf. Deċiżjoni li bir-raġun kollu nisslet ukoll rabja fost il-membri tal-korp tal-Pulizija.
Għalhekk in-nuqqas tal-Ministru tal-Ġustizzja li jistqarr pubblikament il-pożizzjoni tiegħu dwar l-imġieba tal-Avukat Ġenerali, jikkonferma li huwa kompliċi flimkien mal-Prim Ministru Robert Abela f’xibka ta’ interessi u abbużi li jgawdi minnha l-Partit Laburista u politiċi ewlenin fil-Partit Laburista. F’dan il-każ id-deċiżjonijiet li ttieħdu saru biex jiġu protetti l-Ministru Carmelo Abela u l-eks Ministru u eks Deputat Mexxej Laburista Chris Cardona.
Taħt Edward Zammit Lewis u Robert Abela l-kriminali moħħhom mistrieħ li jekk jinqabdu jingħataw id-deal li jkunu jridu bl-intervent tal-Avukat Ġenerali.
Fid-dawl ta’ dan kollu l-Oppożizzjoni tqis il-pożizzjoni tal-Avukat Ġenerali u tal-Ministru għall-Ġustizzja bħala mhix aktar tenibbli u għalhekk għandhom iwarrbu mill-karigi tagħhom b’mod immedjat.
Sadattant dawk li jimxu sew kuljum iħossuhom mhedda u b’nuqqas ta’ serħan il-moħħ minħabba persekuzzjoni, ħafna drabi nġusta, kontrihom.