Internazzjonali

L-Indja: Imutu wara li waqgħu f’bir waqt tieġ

Mietu talanqas 13-il persuna li waqgħu f’bir vojt waqt ċerimonja ta’ tieġ li kienet qed issir fid-distrett ta’ Kushinagar, fl-Istat Indjan ta’ Uttar Pradesh.

Il-pulizija qalu li l-vittmi –kollha nisa u tfal – kienu bilqiegħda fuq għatu kbir tal-metall li kien qed jgħatti l-bokka tal-bir u li spiċċa jċedi taħt il-piż ta’ dawk in-nies kollha.

L-awtoritajiet, intant, kienu qed jinvestigaw l-inċident fejn irriżultaw ukoll il-midruba.

Ir-rapporti qalu li – wara l-kroll tal-għatu – numru ta’ mistednin oħra ġrew lejn il-bir f’tentattiv iddisprat biex isalvaw lin-nisa u t-tfal u fejn sabu li ħdax fost il-vittmi kienu mietu mad-daqqa. Sadanittant, tnejn oħra mietu aktar tard mill-ġrieħi li ġarrbu.

Il-Prim Ministru tal-Indja, Narendra Modi, wassal il-kondoljanzi lill-qraba tal-vittmi u fisser it-traġedja bħala ‘waħda li nikktet lill-pajjiż’.

It-traġedja kellha sseħħ waqt iċ-ċerimonja tradizzjonali ‘haldi’ fejn  il-qraba tal-koppja li tkun se tiżżewweġ japplikaw taħlita ta’ sustanzi mal-uċuh tal-għarus u l-għarusa bħala awgurju għall-prosperità.