“Malta għandha tkun sors ta’ ispirazzjoni u ċentru ta’ eċċellenza li fiha tilqa’ lill-aqwa professjonisti minn madwar id-dinja biex mal-professjonisti Maltin tissaħħaħ l-etika u l-prinċipji f’dak kollu li jsir fil-pajjiż biex Malta terġa’ tgawdi r-rispett li kellha.”
Saħaq dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, f’laqgħa li kellu mal-Federazzjoni Maltija għall-Assoċjazzjonijiet Professjonali, l-MFPA, propju fil-ġurnata li l-Federazzjoni qed tfakkar il-51 sena mit-twaqqif tagħha; federazzjoni li fi ħdanha għandha 17-il organizzazzjoni u li tiġbor il-maġġor parti tal-professjonisti f’pajjiżna.
F’din il-laqgħa, il-Partit Nazzjonalista kompla jisma’ dak li għandhom x’jipproponu l-korpi kostitwiti u l-imsieħba soċjali.
Fost il-proposti li ressqet ‘il quddiem, l-MFPA saħħqet fuq l-importanza li kull professjonist, inkluż membri parlamentari u dawk li jaħdmu fis-settur pubbliku, jimxu b’serjetà mal-kodiċi t’etika biex pajjiżna ma jerġax jesperjenza każijiet ta’ prattiċi b’intenzjoni ħażina u malizzjuża li saħansitra wasslu lill-professjonisti, bħal accountants, li jispiċċaw il-ħabs.
Appellat biex l-etika professjonali terġa’ tiddaħħal fis-sillabu ta’ kull kors universitarju għaliex preżentament, l-istudent mhuwiex obbligat jew m’għandux l-għażla ta’ dan is-suġġett. Kien għalhekk li l-MFPA proponiet li pajjiżna jospita Ċentru Ewropew għall-Etika Professjonali li fih anki jospita librerija ta’ informazzjoni teknika fuq l-etika professjonali.
Il-Federazzjoni lmentat ukoll kif il-proposti kollha li ressaq il-kumitat tas-soċjeta ċivili fl-MCESD ma ġewx aċċettati min-naħa tal-Gvern għall-baġit ta’ dis-sena, bil-Ministri jġibulhom l-iskuża li jkollhom jiddependu minn Ministeri oħra biex dawn il-proposti jiġu kkunsidrati.
Għal din il-laqgħa mal-MFPA, il-Kap tal-Oppożizzjoni kien akkumpanjat mill-kandidati għall-Elezzjoni Ġenerali, Angelo Micallef u Emma Portelli Bonnici filwaqt li f’isem l-MFPA attenda l-President, Ben Rizzo, il-Kap Eżekuttiv, Norma Camilleri, is-Segretarja, Marcelle Abela kif ukoll il-membru tal-Kunsill, Marianne Sant Fournier.
//= $special ?>