Lokali

Min hu Jason Farrugia?

Min hu Jason Farrugia? U għalfejn deher skomdu l-Ministru Carmelo Abela meta mistoqsi dwar Jason Farrugia?

Evidenti fil-filmati li Carmelo Abela jaf min hu Jason Farrugia, iżda għal xi raġuni, il-Ministru dam daqxejn mhux ħażin biex ammetta li jaf. Tant hu hekk li kkonfermalna li miegħu jaħdem iżda, għalkemm ingaġġaħ miegħu, ma jafx ‘xirwol għandu. Qed iħallsu mit-taxxi tal-Maltin u l-Għawdxin imma ma jafx għalfejn qed iħallsu.

Sorsi li tkellmu ma’ Net News spjegaw kif Jason Farrugia kien ingaġġat għall-ewwel darba mal-Gvern mill-Ministru Konrad Mizzi. Filfatt, fl-2015, id-Deputat tal-PN Jason Azzopardi kien żvela fil-Parlament kif Farrugia, ġie sekondat mill-Korp tal-Pulizija għal ma’ Konrad Mizzi. Jidher li Farrugia għadu fuq il-kotba tal-Korp tal-Pulizija iżda ilu snin twal ma’ jaħdem bħala pulizija għaliex għal xi raġuni baqa’ jingħata job wara l-ieħor mal-Gvern f’dawk li jidhru rwoli ta’ ‘Person of Trust’. L-ewwel beda ma’ Konrad Mizzi, imbgħad kompla ma’ Carmelo Abela.

Jason Farrugia l-ewwel okkupa rwol ta’ Senior Management fl-ITS, imbgħad ħadem bħala l-Kap tal-Customer Care mal-Ministeru ta’ Konrad Mizzi u issa għandu xi irwol fil-Ministeru ta’ Carmelo Abela filwaqt li sorsi li tkellmu magħna saħqu li Farrugia għadu sal-lum jaħdem fl-ITS. Din l-informazzjoni u l-konferma ta’ Carmelo Abela tfisser li Farrugia għandu żewġ impjiegi fl-istess ħin.

Mhux ċar għalfejn Abela daħħlu miegħu, iżda hu ċar li Farrugia għandu rabtiet mill-qrib mal-eks Deputat Mexxej tal-Labour Konrad Mizzi u persuni oħrajn li mal-Gvern daħħalhom Mizzi u għadhom b’karigi għoljin sal-lum. Turija ċara li r-rabtiet kbar ta’ Konrad Mizzi mal-Gvern Laburista għadhom hemm sal-lum, u dwarhom Robert Abela għadu m’għamel xejn.

Ir-rispoti li l-Ministru Carmelo Abela ta lil Net News ħallew tieqa miftuħa u b’hekk għadu mhux ċar jekk Robert Abela jafx b’dawn il-manuvri. Dan filwaqt li Carmelo Abela jibqa’ wieħed mill-ftit membri tal-Kabinett magħżula, li fuqhom, Robert Abela, għal xi raġuni stramba, jibqa’ ma jieħux azzjoni. Dan filwaqt li ma ddejjaq xejn ineħħi lil Justyne Caruana u Rosianne Cutajar meta inqabdu fi skandli simili għal dan ta’ Carmelo Abela u Jason Farrugia.

Pero, li hu ċar żġur, hu li Carmelo Abela għal xi raġuni spiċċa skomdu quddiem dan l-isem ta’ Jason Farrugia… kif l-istess hu ċar li dan Jason Farrugia qed jitħallas minn flus il-poplu għal xogħol li l-anqas il-Ministru li jħaddmu ma ried jikkummenta fuqu.

U allura, wieħed jistaqsi. Dan huwa ‘phantom job’ ieħor li ngħata minn Kastilja?